Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius ħabbru skema ġdida ta’ fidi ta’ ċnus u xiri ta’ proprjetà residenzjali li se tkun qiegħda taffettwa mal-5,000 familja.
Il-Ministru Borg spjega kif minn Settembru ta’ din is-sena, dawk li għandhom ċens temporanju jew kirja mal-Gvern ser ikunu jistgħu jissottomettu applikazzjoni mal-Uffiċċju Konġunt biex ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ djarhom.
Huwa spjega kif din l-iskema se tkun qed tagħti din l-opportunità lil dawk il-familji Maltin u Għawdxin li jgħixu fi proprjetà tal-gvern li hi suġġetta għal ċens temporanju jew kirja. L-iskema hija mmirata għal residenti u mhux għal negozji jew proprjetajiet kummerċjali.
Il-Ministru Borg iddeskriva din l-aħbar bħala waħda li ilha snin twal mistennija minn eluf ta’ familji u qal li se jkunu qegħdin jiġu indirizzati wkoll inġustizzji lejn dawk li għandhom ċnus residenzjali temporanji tal-Uffiċċju Konġunt u dawk li għandhom ċnus mal-Awtorità tad-Djar li diġà setgħu jifdu. Huwa żied jgħid li din l-iskema se jkollha kundizzjonijiet simili għal dik tal-2012.
“Il-prijorità tagħna hija l-kwalità tal-ħajja li jgħixu l-familji Maltin u Għawdxin. Sodisfatt li nistgħu nagħtu lil dawn il-familji dak li ħaqqhom ukoll, li huma jkunu jistgħu jsiru sidien tad-djar tagħhom. Kommessi li nkomplu nwasslu l-ġid u s-suċċess għand in-nies u li nkomplu naraw il-livell tal-għixien f’pajjiżna dejjem jitla’.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li permezz ta’ din l-iskema ser ikunu qed jinqdew eluf ta’ familji li ilhom jistennew numru ta snin sabiex isiru verament sidien ta’ djarhom. Huwa tenna li din hija skema oħra li qed toħroġ l-Awtorità tal Artijiet flimkien mal-Uffiċċju Konġunt sabiex talbiet pendenti għal ħafna snin ikunu jistgħu jiġu solvuti.