Skont l-aħħar ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena l-Gvern irnexxielu jnaqqas id-defiċit b’€ 116 miljun meta mqabbel mal-ewwel tlett xhur tas-sena l-oħra.
Dan it-tnaqqis sinjifikanti wasal grazzi għal żieda qawwija fid-dħul tal-gvern li f’sena żdied bi 11.2% jew €85.4miljun kif ukoll għat-tnaqqis ta’ €30miljun fin-nefqa tal-gvern, li tissarraf fi 3.3% meta wieħed iqabbel in-nefqa fl-ewwel tlett xhur tas-sena l-oħra ma’ ta’ din is-sena.
Iż-żieda fid-dħul wara budgets fejn il-gvern kull sena naqqas it-taxxi turi kemm il-Gvern mexa b’politika għaqlija li fil-waqt li naqqas il-piż tat-taxxa, ħoloq ix-xogħol għall-kulħadd, speċjalment żgħażagħ u nisa.
Il-Ministru għall-Finanzi, l-Professur Edward Scicluna qal li dawn ir-riżultati pożittivi jirriflettu l-istimi tal-gvern kemm f’dak li għandu x’jaqsam man-nefqa kif ukoll mad-dħul tal-gvern. Dan ifisser li r-riżultati miksuba jikkonfermaw il-pjanijiet tal-gvern.