Il-kumpanija Pharos, li hija speċjalizzata fl-idustrija tal-farmaċewtika ser tkun qed tkabbar l-operat tagħha b’tali mod li ser jinħolqu aktar impjiegi. Dan żvelah is-Sur Theodore Panagopoulos li huwa d-direttur ta’ din il-kumpanija li preżentament timpjega 65 ħaddiem.
Din il-kumpanija li ilha sena mwaqqfa f’Malta tispeċjalizza f’riċerka u żvilupp ta’ prodotti farmaċewtiċi fosthom dawk li għandhom x’jaqsmu mal-onkoloġija, HIV kif ukoll nervituri. Apparti l-impjant tagħha f’Ħal Far, din il-kumpanija Griega hija stabilita wkoll fil-Polonja. Il-Ministru Chris Cardona akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista ltaqgħu mal-ħaddiema ta’ din il-kumpanija.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Cardona tenna li l-Gvern għandu appoġġ shih lejn il-qasam tal-manifattura. Huwa semma kif għal kuntrarju ta’ dak li kien jiġri fi żmien gvernijiet Nazzjonalista fejn ta’ kull sena kienu jintilfu elf impjieg minħabba li l-kumpaniji kienu qegħdin jagħlqu l-bibien tagħhom, illum għandna sitwazzjoni fejn l-intraprendituri barranin qed jitfgħu ħarsthom fuq Malta sabiex joperaw minnha. B’hekk mhux biss qed jistimolaw l-ekonomija imma qegħdin joholqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol.