Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, magħrufa aħjar bħala t-Triq taċ-Ċawsli b’nefqa ta’ madwar €4 miljun. Din it-triq twila madwar kilometru li tgħaqqad liż-Żejtun ma’ Ħaż-Żabbar inbniet mill-qiegħ fi żmien sena u tinkludi wkoll korsija għar-roti u passaġġ pavimentat għall-mixi. Dawn jinfirdu biss mill-korsiji tal-karozzi b’ringiela siġar taċ-ċawsli u korsija għar-roti separata u elevata.
Fl-istess ħin, Infrastruttura Malta ħasbet għall-installazzjoni ta’ sistema ta’ tliet kilometri ta’ pajpijiet ġodda għas-servizzi tal-ilma u tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll katusi ġodda għad-drenaġġ. Fl-inawgruazzjoni tat-triq, il-Prim Ministru Muscat qal li dan il-proġett se jkun mudell ta’ kif il-Gvern se jmexxi l-wegħda elettorali ewlenija tiegħu, għall-bini mill-ġdid tat-toroq kollha ta’ Malta fi żmien seba’ snin b’investiment ta’ €700 miljun.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg iddeskriva t-tlestija ta’ dan il-proġett bħala kisba oħra mill-ħidma ma taqta’ xejn tal-Gvern. Fakkar li it-Triq taċ-Ċawsli kienet ilha għal snin fi stat diżastruż u perikolu għas-sewwieqa. Huwa kkundanna għemil irresponsabbli ta’ persuni li serqu xi siġar taċ-ċawsli li kienu għadhom kif tħawlu.
Fil-preżenza wkoll ta’ diversi sindki ta’ rħula differenti, il-Ministru Helena Dalli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-proġett, li tul in-nofs seklu ta’ Gvern Nazzjonalista tħalliet tiddeterjora. Qalet li dan il-proġett jingħaqad mal-proġett tal-Foss ta’ Ħaż-Żabbar li se jagħti nifs ġdid lir-residenti ta’ din il-lokalità.