Prova ġenerali eċċellenti min-naħa ta’ Michela, iż-żeffiena u Destiny Chukunyere li qed takkumpanja lil Michela fil-kant.
F’din l-ewwel prova ġenerali, sigħat qabel it-tieni prova ġenerali tant importanti li fiha tivvota l-ġurija, id-delegazzjoni Maltija marret għall-ideat li dehru fl-ewwel prova tal-ġimgħa l-oħra.
Stajna naraw apparat viżiv fuq il-palk u Michela toħroġ minn struttura li turiha qisha tinsab f’dar.
ONE News jinsab infurmat li dan it-tibdil sar wara li Malta talbet prova oħra minn dak skedat wara problemi viżivi li saru mit-tim tal-produzzjoni hawn fl-Iżrael.
Minkejja l-eċċellenza li wriet Michela fl-interpretazzjoni tagħha xorta stajna ninnutaw żbalji viżivi min-naħa tad-direzzjoni tal-produzzjoni tal-Eurovision.
Wieħed jittama li dawn ma jirrepetux ruħhom.
Minkejja dan kollu Michela u t-tim tagħha wera kunfidenza bla tarf u l-kanzunetta tagħha ġiet milqugħa ħafna minn dawk preżenti fis-sala u fiċ-ċentru għall-ġurnalisti f’Tel Aviv.
Illejla Michela terġa’ tkanta fit-tieni prova ġenerali fejn il-vot tal-ġurija jgħodd 50% tar-riżultat.
Għaxar pajjiżi jridu jingħaqdu mal-għaxra l-oħra li diġà kwalifikaw ilbieraħ.
It-tieni semi-finali huwa meqjus iktar diffiċli, b’pajjiżi b’saħħithom bħall-Olanda, Svezja u r-Russja qed joffru kompetizzjoni ħarxa ma’ Malta li wkoll skont id-djar tal-imħatri tinsab kwotata li tgħaddi għall-finali.
(b’rispett lejn ir-regoli tal-EBU qed inxandru żewġ minuti mill-prova)