Sewwieq ta’ mutur indarab gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Birkirkara.
Il-każ seħħ fis-7:00 ta’ dalgħodu fi Triq Dun Gejtano Mannarino, Birkirkara.
Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija jidher li għal xi raġuni kien hemm impatt bejn mutur u vettura. Il-vettura, tal-għamla Honda Accord, kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 71 sena residenti Birkirkara, filwaqt li l-mutur, tal-għamla Piaggio X8, kien qed jinstaq minn raġel ta’ 33 sena residenti Birkirkara ukoll.
Meta seħħ l-inċident, is-sewwieq tal-mutur sofra xi ġrieħi u għaldaqstant ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.