Mitt familja Furjaniża li joqgħodu f’sitt blokkok fil-Furjana qed jibbenefikaw minn investiment ta’ €92,000 f’xogħlijiet li qed isiru mill-Awtorità tad-Djar, flimkien mas-Segretarjat għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Terz ta’ din in-nefqa ġie minn skema li l-Awtorità tad-Djar għandha flimkien mal-Kunsilli Lokali.
Ix-xogħlijiet jinkludu bdil ta’ aperturi, xogħlijiet strutturali, kif ukoll fuq sistemi ta’ drenaġġ, fost oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li din il-ħidma qed issir biex il-familji jgħixu f’ambjent aktar sigur. Huwa qal ukoll kif meta fl-2013 in-nefqa fuq blokkok bħal dawn kienet ta’ €300,000, illum in-nefqa hija ta’ €3.5 miljun.
Is-Segretarju Parlamentari Galdes qal ukoll li għall-kuntrarju li kien isir qabel, dan il-Gvern ma għadhux jgħolli l-kirjiet meta l-inkwilin jitolbu li ssir manutenzzjonijiet f’dawn il-binjiet.