Aħna lil bniedem ma rridux nikkastigawh iżda rridu nippremjawh. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed jiġi intervistat mill-professur Ray Mangion taħt it-tinda fil-pjazza ta’ Santa Liena f’Birkirkara.
Il-Prim Ministru qal dan meta kien mistoqsi dwar l-istat tat-toroq u l-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Hawnekk Dr Muscat qal li rrelevanti li tmur twaħħal billboards bil-kliem pajjiż fgat meta l-pjan tiegħek ikun li tikkastiga lin-nies. Hawnekk huwa tenna l-impenn tal-Gvern li fil-futur irid jagħmel it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd.
Dr Muscat tkellem ukoll dwar it-tekoloġija u l-avvanzi kollha li qed isir f’dan il-qasam. Hanwekk huwa qal li bħala pajjiż ma nistgħux inwaqqfu dan l-iżvilupp iżda rridu inħaddnuh u nibnu aktar setturi miegħu.
“Aħna ma rridux inkunu dawk it-tip ta’ nies li t-teknoloġija inwaqqfuha jew inkissruha. Irridu nkunu dawk in-nies li ngħidu ehe ġejja t-teknoloġija? Mela issa ħa jkollna bżonn ta’ snajja ġodda,” saħaq il-Prim Ministru.
Hawnekk huwa qal ukoll li sabiex il-lingwa Maltija tibqa xi ħaġa sostenibbli anki fuq pjattaformi online spjega li bħalissa qed issir ħidma mill-Gvern sabiex jiġi żviluppat spell checker tal-Malti.
“Inti tgħid isma, jekk fl-ingliż ktibt kelma ħażin il-kompjuter se jagħmillek tikkek żagħar taħtha taf li hemm xi ħaġa ħażina allura tmur fuqha u tirranġaha. Jekk titkellem bil-malti mhux se jġiblek tikkek għax ma jafux għadu sal-lum il-kompjuter. Allura se nkunu qed ninvestu mhux ftit flus, ħafna flus tiskanta kemm jiswa flus biex ikollna spell checker bil-malti,” spjega l-Mexxej Laburista.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-proġett li tħabbar din il-ġimgħa dwar il-park nazzjonali ġdid f’Ta’ Qali. Huwa qal li kem ilu f’din il-kariga qatt ma kellu rispons pożittiv daqs dan.
“Fejn ġibna flus, ġibna xogħol dejjem kien hemm reazzjoni tajba pero qatt ma rajt ir-reazzjoni rajt għal din it-tħabbira u bla dubju jien għalija din ħadtha bħala lezzjoni kbira ta’ kif irridu nkomplu naħdmu biex inkabbru l-ekonomija, kif irridu nkomplu naħdmu biex inkattru l-ġid imma imbagħad il-priorita tibqa’ l-jkwalita tal-ħajja,” sostna Dr Muscat.
Dwar l-arkivji nazzjonali l-ġdid l-Prim Ministru qal li l-Gvern xtaq li dan jibnena biswit il-park il-ġdid f’Ta’ Qali. Dan sabiex it-tfal u l-familji jkunu jistgħu imorru jgawdu l-wirt li għandu pajjiżna.
Dr Muscat tkellem ukoll dwar l-ugwaljanza. Hawnekk huwa qal li llum ġie ppublikat rapport li qal lim Malta hija l-aktar pajjiż ugwali fl-Unjoni Ewropea. Qal li dan ma ġiex waħdu, fakkar kif 6 snin ilu Malta kienet fit-18-il post iżda llum wara diversi leġislazzjonijiet u bidla fil-mentalita pajjiżna jinsab fl-ewwel post. Fl-ewwel post u għoxrin punt fuq il-pajjiż li hemm fit-tieni post.