L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa qed tbassar li persuna minn kull 160 tinsab fl-ispectrum tal-Awtiżmu. Persuna li tkun tbati minn din il-kundizzjoni jista’ jkollha numru ta’ sfidi tul ħajjitha fosthom problemi fil-mod kif jikkomunikaw u sfidi biex jistabilixxu rutina.
Minħabba problemi fil-mod ta’ kif jikkomunikaw il-bżonnijiet tagħhom uħud mill-persuni li jinsabu fl-ispectrum tal-Awtiżmu jistgħu jesperjenzaw numru ta’ tantrums.
Il-Psikjatra tat-tfal Andrea Saliba spjegat li dawn l-episodji ta’ rabja jridu jittieħdu fi sfond ħolistiku.
“Ġeneralment nirreferu għall-behaviour tat-tfal bħala iceberg. aħna qed naraw dak it-tip of the iceberg biss. importanti naraw taħt x’hemm u naraw ir-raġuni x’messaġġ jixtiequ jwasslu bil-behaviour tagħhom,” qalet Dr Saliba.
Dr Saliba kompliet tispjega li waqt dawn l-episodji l-ġenituri jew dawk li jkunu qed jieħdu ħsieb lill-persuna għandhom jevitaw li jagħtu attenzjoni żejda.
“Idealment f’dak il-mument ma nagħtux ħafna attenzjoni lit-tifel għat-tantrum. Importanti li jekk għedna kelma inżommu magħha jiġifieri mhux għax ta it-tantrum inċedulu. Hekk ngħallmu lit-tifel jew it-tifla li ħa jġibu l-attenzjoni tagħna billi jagħmlu atteġġjament iktar pożittiv. Jiġifieri mhux għax isabbat saqajk jew tkisser tieħu dak li trid,” hija spjegat.
B’rabta ma’ dan is-suġġett, l-Erbgħa li ġej l-espert internazzjonali dwar l-Awtiżmu Dr Tony Attwood se jindirizza konferenza fil-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-Belt.
Matul din il-konferenza mtella’ mill-assoċjazzjoni tas-saħħa mentali, ACAMH (ACAM) il-ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu se jkunu jistgħu jistaqsu numru ta’ mistoqsijiet lil dan l-espert.