Bejn is-17 u d-19 ta’ Mejju fit-Teatru ta’ Spazju Kreattiv tal-Belt Valletta, qed jittella’ addattament pop tar-rumanzett ta’ Francis Ebejer “Il-Ħarsa ta’ Rużann”. Il-kitba għall-palk u d-direzzjoni huma ta’ Jamie Cardona, żagħżugħ ta’ 18-il sena, li jitfa’ element qawwi ta’ enerġija u kreattività żagħżugħa f’din il-produzzjoni bbażata fuq rumanzett li nkiteb għexieren ta’ snin ilu.
F’dan ir-rumanzett, meqjus bħala wieħed mill-aktar favoriti, Francis Ebejer imiss diversi temi fil-Ħarsa ta’ Rużann, fosthom l-emanċipazzjoni tal-Maltin fis-soċjetà, l-iżvilupp, il-klassi soċjali, l-ugwaljanza, is-sistema fewdali u l-mara, li meta wiħed jieħu stampa mifruxa tas-soċjetà, mill-ewwel jinduna li kollha għadhom relevanti sew fl-2019.
Damien Ebejer – it-tifel ta’ Francis Ebejer, stqarr li dan ir-rumanzett kien diġà nkiteb darbtejn, sakemm finalment Ebejer ippubblika il-verżjoni li għandna llum, għaliex ried li l-verżjoni finali tkun eżatt kif immaġinaha f’moħħu qabel kitibha.
F’dan Ebejer jirnexxielu joħroġ l-elementi tal-karattru msaħħaħ li għandna llum il-ġurnata bħala ċittadini ta’ din il-ħuta żgħira f’nofs Mediterran u Ewropa mimlija kurrenti u ideoloġiji li f’mumenti jikkuntrastaw.
F’dan ser naraw liż-żagħżugħ Jamie Cardona juża 3 karattri li jirrappreżentaw lill-poplu Malti u jirrakkuntaw l-istorja tal-Ħarsa ta’ Rużann b’mod kontemporanju – interpretati minn Sarah Camilleri, Ron u Shelby Aquilina. Ir-rappreżentazzjoni hi mmirata li toffri siegħa ta’ xogħol ta’ Francis Ebejer b’libsa pop . Siegħa ta’ teatru li tirrappreżenta l-emanċipazzjoni tal-Maltin fis-soċjetà, ta’ kuntrasti bejn il-kultura Maltija u dik barranija…ta’ mumenti serji u oħrajn inqas serji. Siegħa li tagħti l-aqwa riklam possibbli tal-letteratura Maltija.
Dan ir-rumanzett huwa wkoll parti mill-materjal li l-istudenti jippreparaw għall-ezami tal-Malti tal-O level – B’hekk l-istudenti tas-sekondarja, b’mod partikolari dawk tal-Form 4 (Year 10) għandhom ċans isegwu produzzjoni li tivviżwalizza x-xogħol li jagħmlu fil-klassi. Apparti dan, il-produzzjoni toffri konċessjoni mal-bieb għall-istudenti li jattendu.
Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq www.kreattivita.org
Id-dati huma:
Il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju fit-8pm
Is-Sibt 18 ta’ Mejju fis-6pm u fit-8pm
IL-Ħadd 19 ta’ Mejju fis-6pm u fit-8pm