Meta l-Awditur Ġenerali investiga skemi ta’ finanzjament bejn l-2008 u l-2013 mill-Gvern għall-Kunsilli Lokali, qal li l-interventi tas-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Djalogu Pubbliku ma kienux ġustifikati.
Kien l-eks Ministru, u għal iktar żmien Segretarju Parlamentari, Chris Said li f’dan il-perjodu kien responsabbli mill-Kunsilli Lokali. L-Awditur qal li l-interventi mhux ġustifikati kienu partikolarment fl-għażla preliminari ta’ applikazzjonijiet milqugħa fl-evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet u fid-determinazzjoni tal-fondi allokati.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) kien mitlub jistabbilixxi jekk il-proċessi applikati, l-istrutturi ta’ amministrazzjoni utilizzati u d-deċiżjonijiet meħuda kinux konformi mal-prinċipji ta’ governanza tajba u trasparenza.
B’kollox, l-NAO irreveda 25 skema ta’ finanzjament lill-Kunsilli Lokali, li rriżultaw f’allokazzjoni totali ta’ fondi ta’ €11,519,388.
“Dan l-Uffiċċju huwa tal-fehma li dan l-involviment (tas-Segretarjat ta’ Chris Said) kultant ippreġudika l-indipendenza tal-Kumitati tal-Għażla, evidenti fir-reviżjonijiet ta’ għotjiet jew f’każijiet meta l-fondi nkisbu permezz ta’ komunikazzjoni diretta mas-Segretarju Parlamentari. L-NAO jsostni li, b’konformità mal-prinċipji ta’ governanza tajba, is-Segretarju Parlamentari kellu jiżgura li l-istrutturi u s-sistemi meħtieġa sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet kellhom ikunu f’posthom, pjuttost milli jintervjeni b’mod dirett permezz ta’ għotjiet lill-KL speċifiċi,” qal l-Awditur Ġenerali.
L-NAO nnota li ma kienx stabbilit ebda baġit għal numru ta’ skemi. Dan kien partikolarment evidenti fl-iskema għal xogħol ta’ manutensjoni u tiswija ta’ toroq, li rriżultat f’infiq ta’ aktar minn €6,000,000.
Nuqqasijiet oħra identifikati mill-Uffiċċju f’skemi oħra kienu jirrelataw ma’ kontroll finanzjarju fejn, f’każijiet meta l-baġit ma kienx rispettat, dawn ġeneralment irriżultaw fl-allokazzjoni ta’ fondi addizzjonali.
Barra minn hekk, l-Uffiċċju identifika nuqqasijiet serji fiż-żamma ta’ dokumentazzjoni.
“In-nuqqas tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa llimita l-NAO milli jivverifika l-aspetti l-aktar bażiċi tal-iskemi. Nuqqasijiet ta’ dan it-tip huma inkonsistenti mar-responsabilità u t-trasparenza li għandhom jikkaratterizzaw infiq ta’ fondi pubbliċi,” qal l-Awditur Ġenerali.
Intqal ukoll li ta’ tħassib serju għall-NAO kienu l-iskemi fejn rapporti ta’ evalwazzjoni ma ġewx provduti, minkejja l-bosta talbiet ta’ dan l-Uffiċċju.
“F’dan il-kuntest, l-NAO ma setax jistabbilixxi l-ġustifikazzjoni għal tali nfiq. F’każijiet oħra, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni pprovdew biss ftit dettal, mingħajr ebda forma ta’ analiżi kritika mill-Kumitati tal-Għażla,” żied l-Awditur.
Intqal li barra minn hekk, in-nuqqas ta’ minuti tal-laqgħat xekkel l-Uffiċċju milli jifhem kif il-Kumitati waslu għad-deċiżjonijiet meħuda, il-fatturi li ġew ikkunsidrati fl-istadju ta’ evalwazzjoni u l-ħsieb li fuqu kienu determinati l-eliġibilità, l-għażla u l-finanzjament.