Permezz ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat se jkomplu jiżdiedu s-sodod li joffru ftit serħan għal ftit jiem lill-familji li jieħdu ħsieb l-anzjani.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, waqt konferenza stampa f’Residenza San Ġużepp fil-Fgura.
L-għadd ta’ sodod tar-respite issa se jiżdied b’ħamsa għal 39 sodda u waqt li s-sodod għas-servizz ta’ matul il-lejl se jiżdiedu għal sebgħa u tletin.
Is-servizz respite jiġi offrut b’xejn għal tliet ġimgħat matul is-sena u jista’ jiġġedded skont il-ħtieġa, filwaqt li l-anzjani li jagħżlu li jibqgħu jgħixu fil-komunità, iżda li jixtiequ li jagħmlu użu mis-servizz ta’ matul il-lejl, iħallsu biss żewġ ewro għal kull lejl.
Agius Decelis qal li aktar ma l-Gvern joffri servizz ta’ respite b’saħħtu, aktar ikollna sitwazzjoni ideali għall-anzjani li jagħżlu li jibqgħu jgħixu fil-komunità.
Huwa żied jgħid li matul is-sena li għaddiet, madwar mitejn u sebgħin anzjan għamlu użu mis-servizz ta’ respite , filwaqt li tlieta u disgħin oħra bbenefika mis-servizz ta’ matul il-lejl.