Lejlet it-tieni prova ta’ Michela fuq il-palk, Malta kompliet titla’ fil-klassifika tad-djar tal-imħatri.
Filfatt il-kanzunetta ta’ Michela, Chameleon hija s-sitt favorita li tirbaħ il-Eurovision Song Contest li se jsir f’Tel Aviv il-ġimgħa d-dieħla.
Wara l-ewwel prova, li dwarha kien hemm kummenti mħallta iżda kien hemm wkoll rimarki pożittivi dwar il-kuluri u dak li Malta qed tippreżenta dis-sena, Michela tinsab lesta biex għada tagħmel l-aħħar prova tagħha fuq il-palk qabel il-prova ġenerali tal-Erbgħa li ġej.
Sa minn mindu ħarġet il-kanzunetta, Malta kienet fost dawk kwotati ferm fil-kompetizzjoni u issa anki qabżet pajjiżi bħall-Isvizzera li kienet mal-ewwel tliet postijiet biex issa niżlet fis-seba’ post wara Malta.
Sa issa l-ikbar qabża fil-klassifika tad-djar tal-imħatri saret mill-Ażerbajġan mill-ħmistax-il post għall-ħames post.
Dan ġara eżatt wara l-ewwel provi.
It-tieni prova ta’ Malta għada se tkun fid-9:25am (ħin ta’ Malta).
Minkejja li l-klassifika tad-djar tal-imħatri taf ma tfisser xejn, it-tbassir tagħhom dwar ir-rebbieħa xi ftit jew wisq dejjem kien qrib ir-riżultat aħħari.
Sa issa l-Olanda għadha l-favorita netta li tirbaħ il-finali tas-Sibt 18 ta’ Mejju 2019.
Ritratt: EBU