Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fl-aħħar sitt snin pajjiżna ħoloq 500 impjieg aktar milli nħolqu tul il-25 sena bejn l-1987 u l-2013 biex il-qgħad naqas b’erba’ darbiet.
Dr Muscat qal dan waqt li kien qed jindirizza konferenza b’rabta mal-għeluq tal-100 sena tal-Għaqda Internazzjonali tax-Xogħol, l-ILO.
Il-Prim Ministru qal li fl-2013 Gvern Laburista sab ma wiċċu 43,000 ruħ li kienu mċaħħa mill-aktar affarijiet bażiċi.
Qal li llum dawn naqsu bi tlett darbiet għal 14,000 ruħ iżda sostna li dan xorta huwa żżejjed.
Żied jgħid bis-saħħa ta’ miżuri li daħħal il-Gvern f’dawn is-sitt snin, is-suq tax-xogħol ra żieda ta’ 60 elf ruħ, li madwar 31 elf minnhom kienu nisa. ( NIES JAĦDMU)
Dr Muscat semma li miżuri bħal dik tat-tapering u l-inwork benefit ressqu numru kbir ta’ persuni li qatt ma tħajru jersqu lejn is-suq tax-xogħol. Innota s-suċċess tal-miżuri tat-tapering fejn sebgħa minn kull għaxra baqgħu fis-suq tax-xogħol anke mingħjar il-benefiċċju.
Qal li dan wassal biex in-nies li kienu fuq il-benefiċċji soċjali huma n-nofs ta’ li kienu sitt snin ilu. Fl-istess waqt qal li n-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali qed tiżdied.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru Helena Dalli fejn spjegat li sa sitt snin oħra hu previst li r-robots u makkinarju li jaħdmu bl-intelliġenza artifiċjali se jkunu qed jikkontribwixxu b’mod dirett għal nofs il-funzjonijiet produttivi kollha fuq il-post tax-xogħol.
Tenniet li l-integrazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol tista’ twassal għal era ġdida ta’ xogħol tajjeb, impjiegi tajbin, u kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.
“Qegħdin nitkellmu fuq rivoluzzjoni oħra, rivoluzzjoni tal-intelliġenza artifiċjjali rivoluzzjoni li ħa tbiddel kompletament il-mod kif naħdmu l-mod kif nistudjaw u l-mod kif nippreparaw lilna nfusna għad-dinja tax-xogħol.”