Ġie mniedi r-rapport bijennali ta’ Home Start Għawdex, fejn f’konferenza organizzata fil-gżira Għawdxija ġew diskussi diversi diffikultajiet u problemi li jiltaqgħu maghhom it-tfal. Intant, waqt il-konferenza, l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali ħabbar li l-Home-Start Worldwide, għall-ewwel darba se tkun qed torganizza l-konferenza taghha f’pajjiżna.
Home-Start Għawdex fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali joffri sostenn lill-ġenituri bi tfal żgħar li jsibuha diffiċli li jagħtu mill-aħjar li jistgħu fl-iżvilupp u t-trobbija ta’ wliedhom. Home-Start jipprovdi kemm sapport emozzjonali kif ukoll dak prattiku minn voluntiera mħarrġin għal dan il-għan. Dan is-servizz jista’ jiġi utilizzat minn ġenituri li għandhom tal-anqas wild wieħed taħt l-età ta’ ħames snin u f’sitwazzjonijiet ta’ mard u diżabiltà, nuqqas ta’ sapport, żminijiet diffiċli, u f’każijiet ta’ ġenituri b’ħafna tfal żgħar jew ġenituri li jħossuhom waħedhom.
Fil-konferenza ‘Helping Children develop Resilience – from an attachment perspective’ tkellmet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana li semmiet kif il-Ministeru għal Għawdex appoġġa bis-sħiħ biex is-servizz ta’ Home-Start jiġi offrut f’Għawdex. Il-Ministru Caruana rrimarkat li aktar servizzi preżenti Malta qed jiġu estiżi f’Għawdex sabiex jintlaħqu aktar familji kemm lokali kif ukoll barranin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti tenna kemm huwa importanti li l-‘caregivers’ iqattgħu ħin ta’ kwalità mat-tfal tagħhom. Qal ukoll illi s-sena d-dieħla, għall-ewwel darba se titlaqqa’ f’pajjiżna l-konferenza li tiġi organizzata mill-Home-Start Worldwide.
Intant Dr Marlene Cauchi fil-preżentazzjoni tagħha sostniet li hija realtà li llum il-ġurnata t tfal minn età żgħira qed jiltaqgħu ma’diversi diffikultajiet, fosthom il-bullying, problemi fil-familja, ġenituri li jkunu għaddejjin minn seperazzjoni jew divorzju, mard u imwiet fil-familja u saħansitra testijiet akkaddemiċi. Hija kompliet tgħid li meta ikun hemm relazzjoni pożittiva bejn il-‘caregiver’ u l-minuri jirriżulta f’self-esteem sod u li dan huwa fattur important ħafna kif il-minuri jirrispondi u jsolvi l-problemi f’sitwazzjonijiet diffiċli.
Waqt dan is-seminar ic-Chairperson ta’ Home-Start Malta Remenda Grech ppreżentat ir-rapport bijennali, ta’ Home-Start Għawdex lil-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni.