Il-Prim Ministru Joseph Muscat żar investiment Malti mill-kumpanija Maltija Alf Mizzi & Sons f’Sibiu fir-Rumanija qabel beda l-impenji tiegħu fl-istess belt fejn qed isir is-summit informali ta’ mexxejja Ewropej dwar il-Pjan Strateġiku tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Alf Mizzi & Sons Ltd Alec Mizzi u l-Kap Eżekuttiv ta’ Zacaria Jonathan Diamantino ħabbru li se jkunu qed jespandu l-operat tagħhom fir-Rumanija fejn diġà għandhom 10 żoni industrijali f’sitt ibliet fir-Rumanija.
Apparti diversi żoni industrijali fir-Rumanija, Zacaria għandha investimenti fid-distribuzzjoni ta’ prodotti u diversi proġetti fis-settur tal-propjetà. Jonathan Diamantino ħabbar ukoll li Zacaria qed tippjana biex tingħaqad ma’ kumpanija biex tiżviluppa 500,000 metru kwadru f’żoni oħra industrijali u proġetti residenzjali fir-Rumanija.
Il-Prim Ministru qal li huwa impressjonat u kburi bl-investiment ta’ Alf Mizzi & Sons, iżda mhuwiex sorpriż minħabba r-reputazzjoni tajba li l-kumpanija għandha bħala investituri f’Malta. Il-Prim Ministru Muscat qal li filwaqt li l-investiment huwa impressjonanti, daqstant ieħor huwa importanti l-ammont ta’ nies li jibdew u jibqgħu jaħdmu mal-kumpanija, b’rata ta’ żamma tal-ħaddiema ta’ 98%. Dan kollu juri li l-kumpanija hija waħda b’saħħitha, sostna l-Prim Ministru.
In #Sibiu we visited #Zacaria, a prominent #Romania industrial parks and real estate developer fully owned by #Malta Alf Mizzi &Sons, creating quality jobs in both countries. What better way to start #EuropeDay -JM pic.twitter.com/NZlBOIt3qT
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) May 9, 2019