Il-Partit Laburista nieda l-manifest elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru fil-25 ta’ Mejju.
Imsawwar fuq seba’ prinċipji ewelenin, il-manifest għall-elezzjonijiet tal-2019 sa jirrifletti l-bidla li twettqet fl-aħħar snin billi jsir investiment xieraq fil-lokalitajiet kollha tal-Gżejjer Maltin b’viżjoni ċara.
Is-seba’ prinċipji li bihom il-Partit Laburista fassal din il-viżjoni huma:
- Ambjent fejn ngħixu aħjar
- Trasport alternattiv
- Infrastruttura moderna
- Aktar sigurtà
- Soċjetà li taħseb f’kulħadd
- Komunitajiet attivi
- Kultura ħajja
Dak ippreżentat it-Tnejn mill-Prim Ministru Joseph Muscat huwa manifest elettorali li dawk il-Kunsilli b’maġġoranza Laburista se jkunu qed jimplimentaw, iżda kull lokalità se jkollha l-pjan individwali tagħha għal dawn il-ħames snin li ġejjin.
L-indafa u s-sigurtà huma fost il-prijoritajiet tal-Partit Laburista, u din se tkun riflessa f’miżuri bħar-rifużjoni fuq fliexken tax-xorb, u l-estensjoni tal-proġett ta’ Safe City lil kull belt jew raħal li jixtieqha.
Fl-istess ħin, Kunsilli Lokali b’maġġoranza Laburista se jestendu s-servizz ta’ trasport nadif b’xejn għall-anzjani, u kull fejn huwa possibbli se jippromwovu l-użu tal-karozzi elettriċi. Il-Partit Laburista qed jimmira wkoll li kull sena, pajjiżna jkollu l-Belt jew Raħal Kulturali tas-Sena, li jingħata kull appoġġ mill-Gvern Ċentrali għal proġetti u attivitajiet.
Il-Prim Ministru Muscat temm jgħid li fuq kollox dawn is-seba’ prinċipji se jiffukaw fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, u fakkar li l-Partit Laburista ppreżenta kandidatura b’saħħitha ta’ żgħażagħ, persuni b’diżabilità, anzjani, politiċi ta’ esperjenza, u anke kandidati ġodda.