Mifrux fuq disat elef metru kwadru, ġie inawgurat Ġnien Duminku Mintoff f’Raħal Ġdid.
Ġnien li minn wieħed mitluq u mdallam, inbidel fi spazju miftuħ b’żoni rikreattivi għall-familja kollha.
Huwa ġnien b’ambjent nadif u kkulurit b’xejn inqas minn sitta u għoxrin elf fjura u xitla. Fl-istess waqt joffri serħan il-moħħ hekk kif huwa sikur u mdawwar b’kameras tas-sigurtà.
Il-Perit Chris Mintoff spjega li dak li kien magħruf bħala Ġnien Wied Blandun, inbidel minn ġnien intimidanti għal post imdawwal kemm mal-ġurnata u anki mal-lejl.
Spjega kif “Użajna siġar ewlenin li kienu fil-ġnien u dorna magħhom. Bejniethom għamilna features bħall-play areas, funtani, areas fejn inti tista’ skont il-burdata għandek fejn issib dak il-mistrieħ fil-ġnien, mixi u pajsaġġi għax żidna l-ammont ta’ ħamrija u għandek dawn l-esperjenzi kollha f’dan l-ispazju li għal żmien twil kien abbandunat u llum la mtela’ bin-nies sar ġnien pubbliku kif suppost.”
Il-Ministru Konrad Mizzi tenna li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fl-ispazji miftuħa għall-familji, fl-istess waqt li jifhem ix-xewqiet tar-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta.
Mizzi qal li “Dat-tip ta’ proġetti jgħinu, iferrħu lit-tfal, iferrħu lill-anzjani u lill-familji tagħna u jassiguraw li areas bħal Raħal Ġdid jiġu riġenerati.”
Il-Ministru Joe Mizzi spjega li fil-ġnien inbena ġibjun li jesa’ nofs miljun litru ilma.
Qal ukoll li ġiet installata sistema ta’ irrigazzjoni li tissuplixxi l-ilma għall-pjanti u s-siġar skont il-bżonn tal-istaġun.
Fuq kollox, dan il-ġnien tawh il-kulur iċ-ċkejknin, li fl-ewwel jum tal-ftuħ tiegħu mlewh bil-ħajja u bi tbissima minn widna sa widna qalulna kif qed jippjanaw li jqattgħu ħinhom fih fl-istess waqt li jżommuh nadif.