Konxju mill-fatt li fil-pajjiż hawn bżonn aktar żoni miftuħin, il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Josef Caruana jemmen li għandna nirrikorru għar-reklamazzjoni tal-art, b’mod partikolari biex isservi għall-użu rikreattiv tal-pubbliku.
Waqt li kien qiegħed jipparteċipa fil-laqgħa politika tal-Ħadd filgħodu fl-Isla, l-eks-Editur ta’ l-orizzont sostna li l-ħolqien ta’ art ġdida fil-baħar hija bżonnjuża llum il-ġurnata biex mhux biss tissolva l-problema ta’ skart tal-kostruzzjoni.
“Din hi bżonnjuża wkoll biex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu jistgħu jieħdu lura artijiet li fil-verità ttieħdu u ġew limitati ħafna mal-milja taż-żmien.”
Waqt li kienet qed jindirizza lill-folla preżenti, Caruana staqsa għalxiex m’għandhiex, pereżempju, titwessa’ parti mill-kosta tagħna biex jinħoloq ġnien pubbliku f’xi lokal jew tinbena gżira sħiħa li sservi ta’ masġar jew saħansitra foresta fejn familji jkunu jistgħu jqattgħu ġranet ta’ mistrieħ fuqha stess.
“Dawk huma biss żewġ eżempji ta’ reklamazzjoni tal-art, wieħed żgħir li forsi jgawduh l-iżjed ir-residenti tal-lokal u l-ieħor ikun jista’ jitgawda minnu kulħadd, inkluż turisti,” kompla Caruana.
Hu semma kif kulħadd konxju mill-problema ta’ nuqqas fejn jintrema skart tal-kostruzzjoni u allura jeżistu problemi u spejjeż għall-industrija tal-bini li fl-aħħar mill-aħħar jispiċċa jġorrhom il-konsumatur.
“Reklamazzjoni tal-art hi soluzzjoni li tagħmel sens, ladarba amministrata b’għaqal. Imma fuq kollox din għandha sservi ta’ kumpens tajjeb u qawwi lill-familji Maltin u Għawdxin, li issa ilhom imċaħħdin minn spazji simili għal għexieren ta’ snin u li s’issa jistgħu biss jgħiru għal pajjiżi oħrajn, li huma ikbar.”
Il-kandidat Laburista qabel ma’ dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, jiġifieri li llum il-ġurnata għandna familji li huma kuntenti bid-dħul tagħhom u kulma jridu hu iżjed ħin għall-familja u postijiet ta’ rikreazzjoni.
“B’dan il-mod inkunu qegħdin nagħtu rigal lill-poplu tagħna li minn skart ta’ kostruzzjoni, aktar u aktar hekk kif tibda titħaffer il-mina bejn il-gżejjer, inkunu qegħdin noħolqu xi ħaġa unika mhux biss f’Malta, iżda anke fl-Ewropa,” temm jgħid Josef Caruana.