Ommijiet ġodda li kellhom tarbija matul is-sena 2018 sarulhom ftit inqas minn 18,000 żjara bejniethom fi djarhom minn grupp ta’ qwiebel, Discharge Liaison Midwives, bħala parti mis-servizz provdut mill-Gvern imsejjaħ Outreach Service.
Normalment kull omm isirulha tliet żjarat mifruxin fuq perjodu li jibda minn tlett ijiem wara li l-omm tkun welldet u intbagħtet id-dar mill-Isptar Mater Dei sa sitt ġimgħat mit-twelid. Il-proċedura użata hija li t-tieni żjara ssir disat ijiem wara u mbagħad sseħħ it-tielet żjara fi żmien li jvarja minn tlieta u sitt ġimgħat. Jekk tinħass il-ħtieġa ssir ukoll ir-raba’ żjara min-naħa tal-qwiebel. Is-servizz, apparti dak konness mal-ħtiġijiet tal-omm u t-tarbija fi stadju daqstant bikri wara t-twelid, jinkludi wkoll dak li jissejjaħ perinatal mental health screening. Dan jikkonċerna problemi ta’ saħħa mentali li l-omm tista’ tesperjenza waqt it-tqala jew fl-ewwel sena minn meta twelled.
Sitwazzjoni bħal din mhix rarità u jekk ma tkunx trattata jista’ jkollha konsegwenzi fit-tul li jaffettwaw kemm lill-omm innifisha kif ukoll lill-familja tagħha. Meta kkummenta dwar dan isservizz id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li “ninsabu kburin bir-riżultati miksubin. Nemmnu bis-sħiħ fil-prevenzjoni, anke jekk għandna servizz tas-saħħa mill-aqwa. Li ma kienx hekk it-tfal Maltin u Għawdxin taħt il-ħames snin ma kinux jikklassifikaw bħala l-aktar b’saħħithom fl-Ewropa. Madanakollu, m’aħna se nieqfu qatt ninsistu li jsir użu minn kull mezz ta’ prevenzjoni b’mod partikolari fir-rigward tat-tfal, speċjalment fejn jirrigwarda tilqim.”
Barra mis-servizz ta’ żjarat mill-qwiebel għand l-ommijiet ġodda hemm ukoll is-servizz offrut mill-Breastfeeding Clinic fl-Isptar Mater Dei. Permezz ta’ dan is-servizz, li għalih l-ommijiet ġodda ma jkollhom bżonn ebda appuntament imma jistgħu sempliċement jaqbdu u jmorru, ikunu trattati diffikultajiet li ommijiet ġodda, aktar u aktar jekk ikunu saru ommijiet għall-ewwel darba, jistgħu jkunu qegħdin isibu biex ireddgħu lit-trabi tagħhom. Matul is-sena li għaddiet f ’din il-klinika saru aktar minn 11,400 żjara. Id-Deputat Prim Ministru esprima sodisfazzjon anke dwar dan is-servizz u qal li “m’għandna nieqfu qatt nenfasizzaw dwar kemm huwa importanti li l-ommijiet ireddgħu lit-trabi tagħhom. Il-ħalib talomm ma jservix lit-tarbija għal dak il-mument li jkun qiegħed jingħatalha. Il-ħalib tal-omm iservi ta’ bażi b’saħħitha ħafna għal ħajjitha kollha.”
Żied jgħid lill-gazzetta li xtaq jieħu din l-okkażjoni biex jifraħ lill-qwiebel kollha fil-Jum Internazzjonali ddedikat lilhom u li jaħbat illum, il-Ħadd, 5 ta’ Mejju. Għal din l-okkażjoni fil-foyer ta-Isptar Mater Dei qed tittella’ wirja mid-Department of Midwifery Faculty of Health Sciences tal-Università ta’ Malta. Il-wirja tikkonsisti minn 22 pittura ta’ Amanda Greavette li kollha juru x-xogħol u d-dedikazzjoni tal-qwiebel man-nisa waqt it-tqala, waqt it-twelid u l-maternità.
Flimkien mal-pitturi hemm esibit ukoll apparat li kien jintuża minn qwiebel tal-MMDNA meta kien u jassistu lill-ommijiet iwelldu fid-djar. L-inawgurazzjoni tal-wirja saret mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali, Deo Debattista.