Il-Maltin, l-Għawdxin u ċ-ċittadini Ewropej li jgħixu f’Malta għandhom jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-kanditati tal-Partit Laburista fl-elezzjonijiet Ewropej biex noħolqu Ewropa soċjali li tkun solidali ma’ dawk l-aktar fil-bżonn tal-protezzjoni soċjali, qal l-ex Prim Ministru Alfred Sant.
L-Ewropa trid toħloq soċjetà sostenibbli u ugwali, trid toħloq opportunitajiet indaqs għal kulħadd biex ħadd ma jaqa’ lura.
Alfred Sant qal li se jkompli jinsisti dwar opportuniajiet indaqs biex kulħadd jgħix ħajja komda. L-Ewropa trid tiżgura li ż-żgħażagħ ikollhom impjieg diċenti fir-reġjun tagħhom biex ma jkollhomx jemigraw minn pajjiżhom. Importanti li kulħadd ikollu aċċess għal sistema tajba ta’ saħħa u edukattiva. Enfasi speċjali trid issir dwar il-bżonn ta’ paga u pensjoni minimina li tiżgura ħajja diċenti. Mhux aċċettabbli li anzjani li stinkaw f’ħajjithom jippruvaw jissaraw biex ilaħħqu mal-ispejjeż.
“Jekk nikseb il-fiduċja tal-elettorat fl-elezzjonijiet Ewropej, inkompli nistinka biex ikun hemm żjieda koordinata fil-paga minima nazzjonali madwar l-Ewropa skond iċ-ċirkostanzi ta’ kull pajjiż. B’hekk jitjiebu l-livelli soċjali tal-ħaddiema waqt li min iħaddem ikun jaf li l-paga minimina tal-kompetituri tiegħu fl-istati membri oħra tal-UE ma tkunx inbidlet. Din il-miżura diġà hija prevista fil-Manifest tal-Partit Soċjalista Ewropew għall-elezzjonijiet Ewropej,”qal l-ex Mexxej Laburista.
Sant qal li huwa importanti li fl-elezzjonijiet Ewropej inkomplu niddefendu l-interessi taż-żgħażagħ, tal-ħaddiema, tas-self-emmployed, tal-pensjonanti u ta’ dawk kollha li għandhom bżonn il-protezzjoni soċjali.