Il-kumpanija Kandaniza MPXI involuta fil-produzzjoni tal-mediċinali tal-kannabis ħabbret li sa tmiem din is-sena se tkun fetħet impjant f’Malta b’investiment ta’ tliet miljun ewro. Investiment li mistenni jwassal għall-ħolqien ta’ bosta impjiegi ta’ kwalità.
Fi stqarrija, il-kumpanija MPXI qalet li ngħatat liċenzja mill-Malta Enterprise, l-aġenzija tal-Gvern għall-iżvilupp ekonomiku biex timporta, tipproduċi u tqassam mediċini maħduma mill-kannabis f’Malta.
Il-liċenzja tippermetti wkoll l-esportazzjoni tal-prodotti tagħha f’ċertu swieq internazzjonali bħal dawk tal-Unjoni Ewropea.
Il-kumpanija Kanadiża qalet li dan l-investiment qed isir bl-involviment tal-kumpanija Bortex wara li daħlet fi ftehim biex tixtri l-ishma kollha tal-kumpanija Alphafarma li topera fil-qasam tal-farmaċewtika.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ MPXI Scott Boyes qal li kienu fortunati ħafna li identifikaw medda ta’ art ta’ elf u mitejn metru kwadru li tista’ tiġi addattata għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali.
Huwa fisser dan l-investiment f’Malta bħala pass importanti għall-pjan ta’ espansjon fl-Ewropa. Qal li Malta mhux biss tipprovdi aċċess għas-swieq Ewropej, iżda għandha wkoll standards għoljin fil-qasam tal-farmaċewticika u qasam regolatorju b’saħħtu.
Dan l-investiment kien biss possibbli wara li s-sena li għaddiet, il-Gvern approva liġi dwar il-produzzjoni tal-kannabis għall-użu mediċinali b’bosta kumpaniji internazzjonali jikkonfermaw l-investiment tagħhom f’ambjent regolatorju ċar u liċenzjat mill-Gvern. Dan filwaqt li l-produzzjoni tal-kannabis mediċinali se tkun qed issir taħt sigrutà stretta mill-Awtorità tal-Mediċini.