L-Erbgħa wara nofsinhar bdiet tiġri l-aħbar li ħalla din id-dinja, Manuel Cortis, eks plejer u ‘captain’ ta’ Rabat Ajax FC fi żmien t-tmeninijiet. Huwa miet fl-etÀ ta’ 63 sena. Huwa kien ‘captain’ ta’ Rabat Ajax fiż-żmien tad-deheb ta’ dan il-klabb meta rebaħ il-kampjonat Malti għal darbtejn konsekuttivi bejn l-1985 u 1986.
Cortis beda l-karriera tiegħu mat-tim Rabti f’età żgħira u wara beda jilgħab mal-‘minors. Kien fil-21 ta’ Jannar tal-1972 li hu kien għamel l-ewwel debut tiegħu f’logħba tat-tielet diviżjoni.
F’din il-logħba t-tim Rabti kien għeleb lit-tim ta’ Lija Athletic bl-iskor ta’ 2-1. Fuq il-paġna ta’ facebook tat-Tim Rabti ntqal li hu qatt ma ħares lura, u baqa’ jkun wieħed mill-aktar pedini mportanti tat-Tim Rabti sakemm ma’ sħabu l-plejers u d-diriġenti tal-klabb wasslu lil Rabat Ajax biex jirbaħ l-unuri kollha tal-futbol Malti.
Huwa lagħab l-aħħar logħba tiegħu nhar l-14 ta’ Marzu tal-1987. Matul il-karriera tiegħu huwa lagħab 169 darba u skorja 7 gowls.