Waqt il-mass meeting li ċċelebra Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar tliet prinċipji importanti li l-moviment li jmexxi għamel tiegħu.
L-ugwaljana, il-mobbiltà soċjali u l-ġustizzja soċjali.
Filwaqt li fakkar kif sitt snin ilu dan il-pajjiż telaq minn sitwazzjoni ta’ staġnar, illum għandna surplus mhux biss grazzi għall-ħidmet il-Gvern imma anki għall-bżulija u l-għaqal tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
B’ton umli u li jixhed kemm il-Prim Ministru għandu jdejh mal-polz tal-poplu, rrikonoxxa li għad irid jindirizza l-isfidi ta’ nies minkejja li diġa sar ħafna.
Tenna li “Writna faqar li qed jiżdied minn gvern li kien jiċħad li jeżisti. Illum diġa’ neħħenja mill-faqar tnejn minn kull tliet persuni li sibnihom hekk. F’sitt snin biss. Iżda, mhux se nistrieħu sakemm inneħħu anke l-aħħar persuna.”
Il-Prim Ministru ta tweġiba f’waqitha lil min sejjaħ ħmerija ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa li qed jippremja l-bżulija.
Il-Prim Ministru qal li “Ħadna pajjiż li kien iffriża l-paga minima għal deċenji u ġibnih pajjiż li mhux biss żied il-paga minima, imma daħħal sistema fejn ma tistax tibqa’ iktar minn sena fuq il-paga minima, u lill-ħaddiem mhux talli ma żidnilux t-taxxi, talli nibagħtulu ċ-ċekk id-dar u ngħidulu grazzi, ngħidulha grazzi, tax-xogħol tiegħek!”
Joseph Muscat qal li biex tqassam il-ġid, l-ewwel trid toħloq il-ġid u kien dan il-Gvern li biddel il-pajjiż għal wieħed li qed ifaddal għal dawk li ġejjin warajna.
Spjega kif “Aħna l-ulied. U dak id-dejn li ħallewna qed inħallsuh! Iżda, kuntrarju għal ta’ qabilna lil uliedna mhux dejn se nħallulhom, imma ġid biex jinvestuhom f’uliedhom. Hekk ikun min irid il-ġid lill-ġenerazzjonijiet tal-futur.”
Spjega kif il-prioritajiet llum inbidlu għaliex dak il-ġenitur li sa ftit tas-snin ilu kellu spiża taċ-childcare jew tat-trasport lejn l-iskola, issa ġustament qed jaħseb kif se jqatta’ aktar ħin ta’ kwalità ma’ wliedu.
Filwaqt li semma għexirien ta’ miżuri li ġabu l-mobbiltà soċjali fi ħdan is-soċjetà Maltija ta attenzjoni partikolari lejn iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet li telgħin.
B’vuċi ta’ konvinzjoni li pajjiżna għandu prospetti sbieħ jkun ċentru tal-innovazzjoni, appella lill-istudenti biex jaħtfu kull opportunità li se tkun qed tinħoloq fl-oqsma innovattivi.
Ma setax jonqos li wassal messaġġ ta’ kuraġġ ukoll lil dawk il-ħaddiema f’oqsma tradizzjonali biex jirkbu din il-mewġa innovazzjoni.
Fuq kollox, il-Prim Ministru semma riforma importanti li għandha ġġib l-inklużjoni ta’ kullħadd.
Dr. Muscat qal “Se naraw li bintek, in-neputija tiegħek ikollha l-istess opportunitajiet li għandhom sħabhom subien fil-klassi. U l-istess drittijiet ukoll. L-istess paga, l-istess ċans li tieħu promozzjoni jew tavvanza fil-karriera.”