“Kont ħerqan ħafna li nerġa nidħol lura x-xogħol.” Dan kien kliem is-Surġent Simon Schembri li propju f’Jum il-Ħaddiem daħal jirrapporta lura għax-xogħol wara kważi sena mill-attentat fuq ħajtu f’nofs Mejju tas-sena l-oħra.
F’intervista ma’ ONE News, Schembri qal li kien hu stess li talab lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar biex jerġa’ jibda jaqdi dmiru fil-Korp tal-Pulizija.
Dan wara li fl-aħħar xhur kien qiegħed jirkupra mill-ġrieħi serji li ġarrab wara li ttajjar u tkaxkar għall-erba’ mitt metru f’Ħal Luqa fil-15 ta’ Mejju tas-sena l-oħra. Inċident li ħasad pajjiż u li ġab tbatija bla qies fuq Schembri tant li għamel ġimgħat jissielet għal ħajtu fit-taqsima tal-kura intensiva.
Is-Surġent Schembri qal li “ilbieraħ mort ngħid lil Kummissarju li dieħel lura llum, kienet xi ħaġa sabiħa kemm għalija u anke ħassejt li għalih. Kif dħalt l-uffiċju għidtlu ‘Sir jien għada dieħel lura għax-xogħol.”
Schembri kien stazzjonat fit-taqsima tat-traffiku, iżda minħabba li tilef driegħu beda jasusmi l-irwol il-ġdid tiegħu ta’ Surġent fl-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi u l-Komunita’ magħruf bħala s-‘CMRU’.
Sostna li “hija ‘challange’ li biddilt ix-xogħol tiegħi kompletament, għandi tim tajjeb ta’ nies li naħdmu id f’id biex inkabbru l-‘awareness’ u r-rispett lejn l-uniformijiet.” Qal li “se nibdew immorru ġo l-iskejjel u nkellmu l-istudenti”.
Għal dan il-għan Schembri flimkien ma’ uffiċjali oħra kienu waqqfu s-Simon Schembri Blue Light Foundation bil-għan li tkabbar dan ir-rispett. Madankollu huwa xorta jgħid li l-mutur tas-servizz jibqa’ għal qalbu.
“Jien twelidt fil-muturi, kien ilni ħafna t-traffic ukoll, imma dejjem ngħid dak li hu l-passat, issa l-futur qed hawn u rrid nimxi minn hawn.”
Intant, f’Jum il-Ħaddiem daħlet fis-seħħ l-iskema tal-assigurazzjoni għal korpi dixxiplanti offruta mill-Gvern.
Inizjattiva li xpruna wkoll is-Surġent Schembri ftit wara l-inċident. Permezz ta’ din il-miżura minn iweġġa’ waqt il-qadi ta’ dmirjietu se jibda jieħu sa massimu ta’ erba darbiet l-paga li jkollu.
Filwaqt li faħħar din l-inizjattiva, is-Surġent Schembri kellu messaġġ x’jgħaddi lill-membri tal-korpi dixxiplinati u l-pubbliku nġenerali.
Is-Surġent Schembri temm jgħid “illum ġejt bżonn lil xi ħadd jien, u għada inti! Dawn in-nies huma li se jiġu jgħinuk u juruk it-triq fejn għandek tmur.” Qal “Kuraġġ! Qatt taqtgħu qalbkom!”