Il-qattiel ta’ Eleanor Mangion Walker kellu bżonn l-għajnuna biex ħadha fil-maħżen fejn instabet bla ħajja l-Ħadd bil-lejl.
Dan kien stabbilit meta kompliet tintensifika l-investigazzjoni tal-pulizija b’rabta ma’ dan il-qtil li ħasad lil ħafna.
Jidher li l-investigaturi huma għalkollox konvinti li l-mara ma nqatlitx fuq il-post, iżda ttieħdet hemm meta kienet diġà mingħajr ħajja. Dan wara li qalgħet daqqiet f’rasha, kif stabbilit fl-awtopsja li riżultat tagħha ħareġ il-Ħadd.
Is-suspettat ewlieni f’dan kollu huwa żewġha Andrew Mangion, li minnu kienet qed tissepara, li huwa uffiċjalment imfittex mill-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ. Persuni qrib il-vittma li tkellmu ma’ ONE NEWS fuq kundizzjoni ta’ anonimità qalu li l-vittma kellha ċertu sens ta’ biża’ mill-allegat qattiel.
Biża’ li ġieli kienet riflessa wkoll fuq persuni qrib tagħha. Saħansitra kollegi tax-xogħol li fl-aħħar sigħat ma waqfux jitkellmu dwar dan il-każ li xxokkjahom daqskemm ixxokkja lill-membri tal-familja tagħha.
Eleanor Mangion Walker kienet ukoll omm tifla ta’ disa’ snin li tul il-jum tal-bieraħ kellha tingħata din l-aħbar kerha. Involuti f’dan il-proċess kien hemm ukoll is-social workers tal-appoġġ li intervjenew biex jassistu lit-tifla f’dan il-mument mill-iktar diffiċli.