Rekord ġdid għal Lost & Found ta’ din is-sena hekk kif mal-għaxar t’elef żagħżugħ u żagħżugħa, ħafna minnhom mir-Renju Unit ġejjin apposta f’Malta biex fi tmiem il-ġimgħa jiddevertu f’dan il-festival mużikali rinomat.
Il-festival li se jiftaħ l-istaġun sajfi joffri erbat ijiem ta’ divertiment għal dawk li jħobbu l-parties f’postijiet sbieħ madwar Malta fosthom biswit l-Akwarju nazzjonali, l-Armier u fl-inħawi tat-torri l-aħmar.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ wieħed mill-pijunieri ta’ Lost & Found meta żorna l-aħħar tħejjijiet qabel jibda dan il-festival mużikali.
Ma setax jonqos li jsemmilna lil Annie Mac, DJ Irlandiża u preżenatatriċi ta’ programm ta’ mużika elettronika fuq ‘BBC Radio 1’ fir-Renju Unit u fuq kollox il-moħħ wara dan il-festival.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tkellem il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li saħaq kif dan il-festival qed iħalli tmien miljun ewro fl-ekonomija Maltija.
B’dawn il-flus qed igawdu id-diversi sidien tan-negozji, lukandi u ristoranti.
Fid-dawl ta’ BREXIT, Dr. Mizzi spjega kif Malta qed tadotta strateġija differenti biex is-suq Ingliż li huwa ferm b’saħħtu għal dawn it-tip ta’ festivals mużikali jibqa’ jitkattar lejn gżiritna.
Il-Ministru Mizzi qal li “Filfatt għandna xi 25 airport li huwa services minn Malta għall-Ingilterra fis-sajf. U żidna mill-1 ta’ April Cardiff u Exeter. Li huma naħseb airports importanti wkoll. Jiġifieri aħna, l-istrateġija tagħna għall-Ingilterra, filwaqt li ħaddieħor forsi qed inaqqas minħabba l-BREXIT aħna żidna l-capacity biex inżommu l-market share tagħna u għamilna marketing qawwi ħafna f’dawn il-postijiet.”