Matul l-għodwa tal-ewwel ta’ Mejju, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien fil-Polonja f’laqgħa mal-Mexxejja Ewropej tal-għaxar pajjiżi li ħmistax-il sena ilu ssieħbu fl-Unjoni Ewropea.
Il-mexxejja flimkien iddiskutew l-esperjenza ta’ dawn is-snin, u l-isfidi u l-opportunitajiet għall-ġejjieni.
F’kummenti, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat qal li tul is-snin il-poplu Malti ingħaqad biex jieħu l-aqwa li jista’ mill-esperjenza Ewropea. Ewropa li toffri għadd ta’ opportunitajiet, imma fl-aħħar mill-aħħar trid tkun il-ħidma sfiqa tagħna biex nagħmlu l-aqwa użu minnhom.
Tkellem ukoll dwar l-isfidi ta’ Ewropa li qed tinbidel, u nies li jħossuhom minsija – u għaldaqstant il-bżonn ta’ iżjed ħidma favur Ewropea iktar qrib in-nies.
Il-Prim Ministru qal “Jien pożittiv ħafna dwar il-futur ta’ pajjiżna. Pożittiv ħafna li nistgħu nkunu mhux biss sempliċement membru tal-UE imma l-aqwa fl-Ewropa. Nies illi ngħinu biex jiffurmaw il-ħsibijiet Ewropej. Filwaqt li nifhmu b’mod realistiku li aħna l-iżgħar stat membru. Imma l-ideat m’għandhomx x’jaqsmu mad-daqs tal-pajjiż. L-ideat għandhom x’jaqsmu mas-saħħa tagħhom.”