Fiż-żjara tagħha fit-taqsima tal-Karta tal-Identità lejlet Jum il-Ħaddiem, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli rringrazzjat lit-tmexxija u lill-ħaddiema kollha tal-aġenzija Identity Malta għall-impenn u għad-dedikazzjoni tagħhom fl-għoti ta’ servizz pubbliku.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li minkejja ż-żieda fid-domanda għas-servizzi offruti minnha, il-ħaddiema tal-aġenzija jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jipprovdu servizz effiċjenti u b’wiċċ uman. Faħħret id-deċiżjoni għaqlija tat-tmexxija ta’ Identity Malta li għarfet tinvesti fl-aqwa riżors tagħha permezz ta’ taħriġ kontinwu u ta’ korsijiet imfassla apposta għall-ħaddiema.
Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar l-importanza tad-drittijiet tal-ħaddiema u li dawn għandhom jiġu rispettati: prinċipju li se jkun rifless fil-kampanja nazzjonali li se tkun qed titnieda fiż-żmien li ġej dwar it-traffikar tal-bniedem.
Julia Farrugia Portelli faħħret ukoll il-mod li bih taħdem it-taqsima tal-Karta tal-Identità, liema taqsima tilqa’ mal-150 applikazzjoni kuljum u tipproċessa mat-43,000 talba fis-sena.