Kevin Grima tressaq il-Qorti wara li f’Awissu tal-elfejn u ħdax, inqabad jixtri d-droga minn Olandiż li ġie Malta b’ammont sostanzjali ta’ droga moħbija fl-organi tiegħu.
Taħt l-osservazzjoni tal-Pulizija, l-Olandiż kien irċieva telefonata minn persuna fl-Olanda li ordnatlu jiltaqa’ ma’ Kevin Grima, li kien se jiġi jiġbor id-droga mill-kamra tal-lukanda.
Kevin Grima ntbagħat minn persuna bbażata f’Malta biex jiġbor il-pakkett u għadda €7,000 lil Olandiż meta ġie arrestat minnufih mill-Pulizija.
Grima, li rrenda ruħu riċediv, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih fuq traffikar ta’ droga iżda żied jgħid li dak li għamel għamlu għall-familja u li d-droga ma kinitx għalih. Huwa kien se jitħallas €500 biex jagħmel il-kunsenja tal-pakkett li ma kienx jaf fil-verità x’fih.
L-akkużat kien żamm lura milli jikkopera mal-Pulizija biex jidentifika min qabbdu jiġbor il-pakkett tant li pprefera jeħel għomru ħabs milli jikxef u jpoġġi lill-familtu fil-periklu.
Iżda Grima sab il-kuraġġ jgħin lill-pulizija, liema għajnuna wasslet għall-arrest ta’ persuna partikolari.
Il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-akkużi u kkundannatu 5 snin ħabs u multa ta’ €12,000.
F’każ ieħor separat iżda relatat ma’ dan, l-Olandiż, Paul Peter Pietka ġie kkundannat 5 snin u 6 xhur ħabs, multa ta’ €15,000 u €1,533.09 fi spejjeż tal-Qorti.
Id-droga kkonfiskata kienet tammonta għal 61 kapsola b’585.55 grammi kokaina b’valur fis-suq ta’ madwar €44,506.