Il-Qorti ordnat li werrieta ta’ eksimpjegata tal-HSBC jingħataw is-somma ta’ €603,000. Dan wara li l-istess Qorti sab lil bank inkwistjoni ħati ta’ ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema.
Il-każ imur lura għall-2004 meta l-impjegata Johanna Abela li llum hija mejta wara li mardet bil-kanċer waqt battalja legali mal-HSBC, kienet tokkupa l-kariga ta’ manager fil-bank. Hija kienet ġiet sospiża b’mod indefinit mill-bank u sussegwentament bord intern tad-dixxiplina sabha ħatja u niżżilha fil-grad.
Abela fetħet il-kawża għax skontha l-bord ta’ dixxiplina ma kienx indipendenti iżda kien imparzjali. Hija kienet spjegat kif ma tħallietx tressaq x-xhieda u lanqas sar kontro-eżami ta’ dawk li xehdu kontriha iżda sempliċiment ġie preżentat dokument anonimu kontriha Abela mietet tliet snin ilu u l-kawża tkompliet mill-werrieta tagħha bl-Imħallef qalet li bil-proċeduri li ħa l-bank kontra Johanna Abela ma kienux ġusti. Madankollu l-Imħallef sostniet li minkejja li l-impjegata ġarrbet ansjetà kbira minħabba dak li kienet għaddejja minnu fuq il-post tax-xogħol tagħha, ma kien hemm ebda evidenza medika li dan seta’ wassalha biex żviluppat fuqha il-marda tal-kanċer.