46 atleta minn 13-il dixxiplina gew innominati għall-Gozo Sports Awards organizzati mill-Gozo Sports Board fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, barra li ferħet lir-rebbieħa u lin-nominati kollha, saħqet dwar l-importanza ta’ Għawdex sportiv u kemm hu importanti li min jagħmel impatt fid-dixxiplina tiegħu jiġi apprezzat. Qalet li l-isportivi Għawdxin qed jixegħlu Għawdex bl-enerġija tagħhom u semmiet ukoll li l-ministeru mmexxi minnha hu determinat li jkompli jsaħħaħ mhux biss l-infrastruttura tal-isport f’Għawdex, iżda jibqa’ jgħin bil-fondi lil dawk kollha li lesti li jaħdmu għall-isport Għawdxi.
Il-Ministru Justyne Caruana semmiet li l-pixxina f’Għawdex, proġett li ilu snin jiġi mwiegħed lill-Għawdxin, fl-aħħar beda u se jitlesta sa tmiem is-sena li ġejja. Il-Ministru Caruana semmiet ukoll il-progett tal-Ulysses Grove fix-Xewkija, fejn għaddej xogħol fuq trakka li ser isservi għall-ġiri, mixi u cycling, kif ukoll il-faċilitajiet f’Kerċem għan-net sports u x-xogħlijiet li ser isiru fl-isports complex. Dan filwaqt li ġew imnedija diversi skemi ta’ għajnuna kemm għall-atleti kif ukoll għall-għaqdiet sportivi, filwaqt li ssemmiet ukoll l-inizjattiva tal-ministeru biex il-miżata ta’ Sports On The Move tiġi ffinanzjata kollha mill-ministeru sabiex it–tfal jiġu nkoraġġuti jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi.
Matul is-serata kien hemm ukoll diskorsi miċ-Chairman tal-Gozo Sports Board Sean Daly u l-Kap Eżekuttiv Alvin Grech,
Ir-rebbieħa tal-akbar unuri kienet Felicienne Mercieca, li rebħet dan l-unur għat-tieni darba, kif ukoll iċ-champion Malti u Għawdxi tal-ġiri fit-tul Charlton Debono, li rebaħ dan l-unur għar-rabà sena konsekuttiva.
F’din is-serata ngħataw ukoll erba’ unuri speċjali. Alvin Scicluna ngħata rikonoxximent għall-karriera li kellu u għad għandu fl-isport Għawdxi, sew bħala atleta kif ukoll għall-fatt li llum jipproduċi żewġ programmi televiżivi tal-isport Għawdxi. Frankie Muscat, l-eks player tal-football u atleta tal-ġiri fit-tul, ingħata apprezzament bħala atleta 60+. Ġużeppina Galea ngħatat premju speċjali għall-Ispecial Olympics, u dis-sena kien hemm premju speċjali għal familja sportiva Għawdxija li ntrebħet mill-familja Xuereb, fejn l-omm, il-missier, l-iben u l-bint huma involuti fl-isport tal-muturi f’Għawdex u aktar.
Ir-rebbieħa kienu dawn:
L-aktar tifla dedikata U/12
LEAH SAID (ATLETIKA)
L-aktar tifel dedikat U/12
LIAM DALY (ATLETIKA)
Żagħżugħa promettenti U/18
ESTELLE SCICLUNA (SOFTBALL)
Żagħżugħ Promettenti U/18
DARREN SULTANA (ĊIKLIŻMU)
Uffiċjal tas-sena
JOSEPH SCICLUNA (SOFTBALL)
Tim tas-sena
VICTORIA HOTSPURS (FOOTBALL)
Kowċ tas-sena
MICHAEL BONGAILAS (TRIATHLON)
Sportiva tas-sena
FELICIENNE MERCIECA (ATLETIKA)
Sportiv tas-sena
CHARLTON DEBONO (ATLETIKA)