Fl-aħħar sitt snin in-nefqa tal-Gvern fil-qasam soċjali żdiediet b’50%, biex ewro minn kull tlieta tan-nefqa tal-Gvern qed tmur f’miżuri soċjali.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt laqgħa tal-kabinett li saret fir-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz de Paul. Dr Muscat innota li n-nefqa tal-Gvern fil-qasam soċjali żdiedet minkejja t-tnaqqis fl-għadd ta’ persuni qiegħda u ta’ dawk imċaħdda mill-aktar affarijiet bażiċi li minn 43,000 fl-2012 naqsu għal 14,000 is-sena li għaddiet.
Madankollu l-Prim Ministru sostna li dan l-ammont huwa inaċċettabbli, u għalhekk, li l-għan tal-Gvern huwa li jeradika l-faqar. Dan fost oħrajn bl-istrateġija kontra l-faqar li nieda l-Gvern fl-aħħar xhur, biex l-ebda tifel jew tifla li tgħix f’familja fejn hemm ġenitur jaħdem, ma tibqa’ tgħix fil-faqar.
Dwar il-qasam tal-housing, il-Prim Ministru qal li Gvern għandu strateġija ċara, biex fost oħrajn, postijiet ġodda ma jibqgħux jintirtu mill-qraba jekk dawn jirnexxielhom jimxu ‘l quddiem fis-soċjetà. Minflok, il-post jingħata lil persuna oħra li tabilħaqq ikollha bżonn l-għajnuna. Hawnhekk semma li l-Gvern se jagħti għajnuna wkoll lil koppji li jkunu nfirdu, iżda ma jkunux eleġibbli għal self mill-bank, biex jixtru post ġdid:
“Hemmhekk il-Gvern se jidħol fil-kunċett ta’ equity sharing fejn prattikament se jagħmel tajjeb għan-nofs l-ieħor. Din se titħabbar fil-jiem li ġejjin, wara li llum fil-Kabinett approvajniha wara preżentazzjoni”.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-Gvern ikkommetta ruħu biex djar eżistenti ikunu aktar aċċessibbli fosthom bil-bini ta’ liftijiet ġodda f’madwar mitt blokka madwar il-pajjiż. Hawnhekk, qal il-Ministru, li l-Gvern iffoka fuq tibdil fil-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.
Żied li l Gvern jemmen bi sħiħ fis-settur tal-persuni b’ diżabilità, fosthom billi nieda l-liġi li kull kumpanija trid timpjega ammont ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali. Iżda, mhux biss.”Is-sussidju tal-kera ġie rduppjat għal €166 fix-xahar, u dan huwa benefiċċju bbażat fuq id-dħul tan-nies. Tnediet l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, fejn nikru mill-privat u nikru lil terzi persuni b’rati aħjar, niedejna social loans fejn il-Gvern jagħmel tajjeb għad-depożitu mitlub”, spjega l-Ministru Falzon.
Il-Ministru nnota li wara l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, se jibda xogħol fir-residenza San Vinċenz de Paule stess, biex jiżdiedu 500 sodda għal anzjani li jkunu jeħtieġu kura fit-tul.