Filwaqt li esprima s-sens ta’ kburija li ngħata ċ-ċans li jkun kandidat f’isem il-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Dr Alex Agius Saliba qal li jixtieq isarraf din il-fiduċja biex jagħti aktar kontribut lill-pajjiż billi jkun vuċi soda għal kull ċittadin. Agius Saliba rrefera b’mod prominenti għax-xewqa li jkun vuċi soda fil-Parlament Ewropew sabiex jara Unjoni Ewropea li titkellem il-lingwa tan-nies, li tkompli tagħti aktar drittijiet lill-ħaddiema, anzjani u nies b’abbiltajiet differenti, filwaqt li taħdem għal aktar ugwaljanza u għall-ġid tal-minoritajiet. Huwa qal li ser jaħdem biex jara li n-negozji u l-intrapriżi żgħar u medji lokali jiggwadanjaw bis-sħiħ mill-vantaġġi li joffri s-suq ewlieni Ewropew, fejn irrefera wkoll b’mod partikolari għall-industriji tal-biedja u s-sajd. Agius Saliba tenna li fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu ser ikollu l-mira li l-Unjoni Ewropea jkollha politika dwar l-immigrazzjoni u l-ażil aktar konkreta, kredibbli u ġusta mal-pajjiżi tal-fruntieri, u kif ukoll il-ġlieda kontra l-politika tal-one size fits all. Huwa wiegħed li ser ikun qed jaħdem sabiex jassigura li pajjiżna jibqa’ jgawdi dak kollu li jsawru, inkluz d-diversi delizzji bħal dawk tal-kaċċa u l-insib.
Fid-diskors imqanqal tiegħu, Dr Agius Saliba qal li l-ħidma politika tiegħu fil-Partit Laburista u kif ukoll il-karriera professjonali tiegħu fil-qasam tal-Unjoni Ewropea tatu ħafna esperjenzi u stqarr li jħoss li wasal iż-żmien li jagħti kontribut akbar għall-pajjiż. Huwa qal li kien għalhekk li ddeċieda li jilqa’ t-talba tal-Prim Ministru u tenna li jrid jaħdem sabiex isarraf il-formazzjoni edukattiva u l-esperjenza professjonali li kiseb matul iż-żmien sabiex jiddefendi isem Malta u l-interessi taċ-ċittadini u n-negozji Maltin u Għawdxin fil-Parlament Ewropew.
Agius Saliba qal li fiż-żmien li fih serva bħala Kap tas-Segretarjat tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll meta serva bħala konsulent fuq materja relatata m’affarijiet Ewropej f’diversi Ministeri, ra b’għajnejh il-frott taż-żerriegħa tal-mibgħeda li żera’ l-Partit Nazzjonalista barra minn xtutna. Għaldaqstant huwa tenna għal diversi drabi l-bżonn li l-pajjiż ikollu sitt Membri Parlamentari Ewropej li jaħdmu bla heda u jibqgħu ffukati fuq il-ġid komuni tal-gżejjer Maltin.
F’din l-aħħar attività li ttellgħet taħt it-tinda fil-pjazza taż-Żejtun nhar is-Sibt, 27 t’ April, wasslu l-messaġġi pożittivi tagħhom u tkellmu dwar il-ħiliet ta’ Dr Agius Saliba, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u l-proġetti kapitali, Dr Ian Borg, u kif ukoll il-Membru Parlamentari Laburista Dr Edward Zammit Lewis. Fid-diskorsi tagħhom, huma rreferew b’mod prominenti għall-fatt li Agius Saliba ħadem bla heda sabiex jara aktar żgħażagħ jersqu lejn il-Partit Laburista u qalu li hu kien strumentali f’dan il-vjaġġ li wassal sabiex illum il-Partit Laburista sar id-dar naturali taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kollha. Fuq kollox, spikka b’mod partikolari d-diskors tal-President attwali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, Dr Naomi Cachia, li qalet li Alex Agius Saliba kien u għadu pilastru għaż-żgħażagħ, filwaqt li tenniet li bis-suċċess li kiseb permezz tal-ħidma intensiva tiegħu, illum il-ġurnata huwa role model u jservi bħala l-akbar sens ta’ ispirazzjoni għaliha u għal numru kbir ta’ żgħażagħ oħrajn.