Il-Moviment Graffitti laqa’ r-reviżjoni tal-policy dwar il-pompi tal-fjuwil li ħarġet l-Awtorità għall-Ippjanar għall-konsultazzjoni pubblika.
Fi stqarrija, il-Moviment qal li huwa ottimist dwar il-bidliet proposti.
Qal iżda li hemm punti li l-Moviment huwa mħasseb dwarhom u li se jipproponi bidliet lill-Awtorità tal- matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika.
Il-moviment appella wkoll lill-Awtorità biex l-applikazzjonijiet pendenti jiġu deċiżi skont il-policy l-ġdida.
Tenna li l-abbozz tal-policy riveduta jinkludi fih ħafna titjib meta mqabbel mal-policy li hemm fis-seħħ bħalissa. Qal li l-opportunitajiet għat-teħid ta’ art ODZ huma ħafna aktar limitati.
Il-Moviment saħaq li l-pompi tal-petrol għandu jkollhom qies limitat, filwaqt li attivitajiet kummerċjali oħrajn li għandhom x’jaqsmu mas-servizzi tal-vetturi joperaw taħt policy kummerċjali.
Il-Moviment Graffitti tenna li l-art ODZ għandha tibqa’ ODZ, u l-art li diġà ngħatat għall-iżvilupp għandha titreġġa’ għall-istat naturali tagħha jew tintuża għall-agrikoltura.