“Lill-pensjonanti tagħna ngħidulhom: diġà tajnikom, imma m’huwa xejn ħdejn dak li se nagħtukom, għaliex dan huwa l-mod ta’ kif bil-fatti nwettqu l-ġustizzja soċjali”.
Sostna dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat meta kien qed jindirizza rally għall-anzjani fil-Belt Valletta. Il-Prim Ministru ingħata merħba mill-isbaħ mill-anzjani li grazzi għall-baġits ta’ Gvern Laburista issa qed igawdu minn żieda fil-pensjoni u tneħħija ta’ taxxa sal-massimu tal-pensjoni. Dan għall-kuntrarju ta’ dak li kien isir fi żmien Gvern Nazzjonalista, fejn l-anzjani dejjem kienu jistennew tnaqqis fil-pensjoni u taxxi ogħla.
Il-Prim Ministru għamilha ċara li għalkemm sar ħafna, għad fadal aktar xi jsir, għax għad fadal pensjonanti, speċjalment nisa, li għadhom fost l-aktar persuni fil-periklu ta’ faqar f’Malta. Dr Muscat qal li dan huwa Gvern li jrid iħeġġeġ lill-anzjani li jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità bi skemi li permezz tagħhom titħallas nofs il-paga tal-carer tal-anzjan jew anzjana. Din hija l-importanza tas-surplus, żied il-Prim Ministru, li l-pajjiż jagħmel il-qligħ biex aktar nies joħorġu mill-faqar, u li l-pensjoni sservihom biex ilaħħqu mal-ħajja.
Dwar l-irwol tat-trade unions f’pajjiżna, il-Prim Ministru qal li fil-kwart ta’ seklu li l-Partit Nazzjonalista dam jiggverna lil Malta, dawn kienu jżommu lill-Gvern milli jċaħħad il-ħaddiema minn ċertu drittijiet, u li jreġġa’ kisbiet ta’ nofs is-seklu ta’ qabel. Semma kif id-dritt ta’ strike baqa’ mhux mittiefes bis-saħħa tal-GWU u ta’ trade unions oħra. Qal li llum xogħolhom inbidel u qed jassiguraw li dak li għandhom il-ħaddiema jiżdied u mhux jitnaqqas. Dan, qal il-Prim Ministru, huwa kollu parti minn strateġija li ilha titħejja snin sħaħ u li bdiet titwettaq fl-2013.
“Id-differenza għalina ma’ ħaddieħor hi li l-ġid mhux għan minnu nnifsu, il-ġid jrid ikun hemm biex inwettqu l-ġustizzja soċjali,” qal il-Prim Ministru. Qal ukoll li huwa biss il-Partit Laburista li għandu l-kredenzjal li jwettaq ħidma bħal din, għax huwa l-Partit Laburista li ta ħafna mid-drittijiet tal-ħaddiema.
“L-istorja ta’ dawn l-aħħar sitt snin, turi li aħna konna kapaċi nagħtu aktar, għaliex ħloqna aktar ġid”, temm jgħid il-Prim Ministru.