Roderick Sammut ta’ 39 sena, Surġent u eks uffiċjal tas-sigurtà ma’ Lawrence Gonzi magħruf sew fl-istamperija, ġie mmultat €10,000 wara li nstab ħati li għadda informazzjoni kunfidenzjali tal-Pulizija lill-blogger Daphne Caruana Galizia.
F’Awwissu ta’ sentejn ilu, il-gazzetta KullĦadd kienet żvelat li Sammut inqabad jgħaddi materjal intern tal-Pulizija lil Caurana Galizia dwar Adrian Delia, dak iż-żmien fit-tellieqa għall-Kap Nazzjonalista.
Fil-Qorti l-Ispettur Justin Camilleri xehed li fis-16 ta’ Awwissu tal-2017 Caruana Galizia tellgħet artiklu bit-titlu “Nationalist Party Leader Contender Adrian Delia Replies to Questions about Anonymous Report to the Police”.
Flimkien ma’ dan l-artiklu ttella’ ritratt ta’ rapport li wera biċ-ċar li dan ittieħed mis-sistema tal-pulizija.
L-ispettur spjega li l-Pulizija bdiet investigazzjoni biex tiddetermina x’rapport kien u min għaddih lil Caruana Galizia. Ġie ddeterminat li r-rapport kien dwar investigazzjoni li saret mill-Pulizija mid-distrett ta’ Ħal Qormi.
Minn stħarriġ forensiku rriżulta li fuq il-mobile ta’ Sammut kien hemm żewġ ritratti ta’ dan ir-rapport li kienu identiċi għal dak li deher fl-artiklu ta’ Carurana Galizia li eventwalment spiċċat fil-mira ta’ Adrian Delia meta sejħilha biċċa blogger.