Għal darb’oħra mużika taħt l-istilel b’risq l-għaqdiet tal-annimali.
Fit-22 ta’ Lulju fil-ġonna tal-Palazz tal-Girgenti se jerġa’ jittella’ l-kunċert “Classics Under The Stars”.
Kunċert li jsir mill-Orkestra Filarmonika Maltija bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan huwa opportunità oħra biex il-pubbliku jgawdi minn spettaklu ta’ mużika klassika, bis-Surmast Alan Chircop jagħtina togħma ta’ x’wieħed jistenna.
Fit-tnedija tal-kunċert mart il-Prim Ministru Michelle Muscat spjegat kif id-dħul tal-kunċert huwa b’xejn. Iżda kif ġara għal dawn l-aħħar tliet edizzjonijiet, il-pubbliku li se jattendi huwa mħeġġeġ li jagħti donazzjoni għas-santwarji tal-animali. Fost dawk is-santwarji li ta’ kull sena jibbenefikaw hemm l-Island Sanctuary.
Fid-dawl ta’ dan is-Sinjura Michelle Muscat appellat għall-ġenerozità tal-pubbliku. Iktar ma jkun ġeneruż il-pubbliku, iktar tingħata għajnuna.
Il-pubbliku jista’ jakkwista biljett għal dan il-kunċert Classics Under the Stars, mill-Berġa ta’ Kastillja minn nhar l-Erbgħa ’l quddiem.