61 sena ilu kien hemm l-istrajk ġenerali ordnat mill-General Worker’s Union u bdew l-irvellijiet li waslu għal stat t’emerġenza ddikjarat mill-ħakkiem Ingliż.
L-inkwiet kien ilu jberraq meta fil-bidu tal-elf disa’ mija tmienja u ħamsin għaddiet il-Break with Britain Resolution, riżoluzzjoni li gawdiet l-appoġġ tal-parlament.
B’din ir-riżoluzzjoni l-Gvern responsabbli Malti li xorta kien taħt il-kolonja Ingliża ried jinħall minn mal-Ingliżi wara li fallew in-negozjati tal-integration fejn Malta kienet se tibda tgawdi mill-istess livelli u drittijiet li kellhom in-nies fir-Renju Unit.
Meta imbagħad il-Gvern Ingliż beda jkeċċi l-ħaddiema mit-tarzna qam l-inkwiet.
Mintoff irriżenja minn Prim Ministru jiem qabel l-irvellijiet.
Wara li xi ħaddiema ħarġu jipprotestaw u ġew attakkati qam l-inkwiet nhar it-tmienja u għoxrin t’April tal-1958.
Il-pulizija mmexxija mill-ħakkiem barrani ħarġu jikkontrollaw lil dawk li ħarġu jipprotestaw.
Qam l-inkwiet, partikolarment f’Raħal Ġdid u fil-Marsa, bl-agħar episodju jiġri fit-telgħa ta’ Kordin.
L-Ingliżi arrestaw madwar mitt ruħ, b’ħafna minnhom intbagħtu l-ħabs għaliex iġġieldu għall-ħelsien ta’ pajjiżna.
Fost dawn kien hemm Agatha Barbara.
Il-Gvernatur Robert Laycock issospenda l-Kostituzzjoni u neħħa kull dritt t’awtonomija li kellhom il-Maltin.
Bla dubju din il-ġrajja storika timmarka l-mixja ta’ pajjiż li kien għadu maħkum mill-madmad tal-barrani iżda wlied dan il-pajjiż iġġieldu għas-sovranità li llum għandna b’sisien tant sodi.