Kmieni din il-ġimgħa il-President Russu, Vladimir Putin, iffirma digriet fejn joffri liċ-ċittadini Ukreni tal-Lvant, passaport terrotorji separati. Aktar tard huwa qal li hemm il-ħsieb li din l-offerta tiġi estiża għall-kumplament tal-Ukreni.
Il-President elett tal-Ukraina, Volodymyr Zelensky, ma jaċċetax l-idea tar-Russja, tant li l-President Elett irredikola l-idea u qal li minflok se jkun hu li jagħti ċ-ċittadinanza lir-Russi li qed ibatu minn reġimi awtoritarji u korrotti f’pajjiżhom. Zelensky qal li għal kuntrarju ta’ dak li jiġri fir-Russja, il-poplu Ukren huwa poplu ħieles li jgħix f’pajjiż ħieles.
Din il-ġimgħa kompliet tisskota r-relazzjoni ntensa bejn iż-żewġ pajjiżi, meta l-Parlament tal-Ukrajna għadda liġi biex il-lingwa Ukrena tkun obbligatorja għall-ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku. Ir-Russja qalet li l-mossa tiddiskrimina kontra dawk li jitkellmu bir-Russu, b’mod speċjali fil-Lvant tal-Ukrajna. Dawn it-tensjonijiet qed ikomplu jżidu mal-isfidi tal-President Zelensky, li ġie elett nhar il-Ħadd li għadda.