Dawn huma biss ftit mill-ingredjenti li sawwru l-Wirja Agrarja ta’ din is-sena.
Organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, din il-festa Maltija ċkejkna serviet bħala ħarġa tal-Ħadd differenti għall-familji Maltin. Mijiet ħonqu l-masġar tal-Buskett biex iduqu l-ħajja Maltija tal-imgħoddi u jsiru jafu aktar dwar l-identità Maltija.
Il-Kunsill Lokali organizza din l-attività biex iqajjem kuxjenza dwar l-artiġġjanat u tradizzjonijiet li sfortunatament qed imutu.
Is-sindku, Sandro Azzopardi, spjega li r-rabta bejn ċertu tradizzjonijiet u r-raħal tmur lura snin sħaħ, hekk kif Ħad-Dingli dejjem kien magħruf bħala r-raħal tal-biedja u tal-kaċċa.
Ma naqsux lanqas ilbies tradizzjonali Malti, fosthom għall-ewwel darba, il-famuża libsa tal-Ħadd.