Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem iġġieled għad-demokrazija, iżda l-Kap tiegħu Adrian Delia ried iċaħħad id-dritt tal-vot lil mija u tletin elf resident fosthom 2,500 żagħżugħ, minn 23 lokalità, billi ma nnominax biżżejjed kandidati għall-elezzjonijiet lokali.
“Il-Partit Nazzjonalista dejjem iġġieled għad-demokrazija,” qal Fenech Adami
Il-Partit Nazzjonalista ried iċaħħad id-dritt tal-vot l-aktar lir-residenti fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Għax fi kliem Fenech Adami r-residenti tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta ma jridux joħorġu jivvotaw.
“Naturalment huwa evidenti li l-Partit Laburista għandu problema biex joħroġ lin-nies tiegħu jivvotaw fin-naħa t’isfel ta’ malta,” iddikjara Fenech Adami.
Beppe Fenech Adami qal dan meta kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-Armata, fejn attakka t-tmexxija ta’ din l-istituzzjoni.
Miegħu ngħaqad il-Kandidat tal-Parlament Ewropew Dione Borg u qal li l-Brigadier Jeffrey Curmi, u d-deputat Kmandant Mark Mallia huma insult għall-armata u mhux kompetenti.
“Insult għal armata. M’għandhomx il-kompetenzi neċessarji,” qal Dione Borg.
F’aktar insulti minn Fenech Adami, qal li minħabba fihom qiegħda tbati l-armata.
Minkejja l-attakk tal-Partit Nazzjonalista lejn l-armata, stħarriġ tal-Eurobarometer juri li sebgħa u sebgħin fil-mija tal-maltin għandhom fiduċja fl-Armata.
B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li kien ikun aħjar li kieku Fenech Adami spjega għala meta kien defacto Ministru tal-Intern, ma ħallasx is-sahra dovutu lill-pulizija u jispjega x’għamel hu meta kien responsabbli mill-Armata u kellu mitejn tmienja u tmenin ilment fuq promozzjonijiet .
Sostna li għall-kuntrarju ta’ dak li għamel l-ex Prim Ministru Eddie Fenech Adami, dan il-Gvern ma attakkax lill-uffiċċju tal-Ombudsman li fl-2003 kien qal ċar u tond li s-sistema ta’ promozzjonijiet taħt il-Partit Nazzjonalista ma kinitx ġusta u tagħti lok għal nuqqas ta’ fiduċja fl-Armata.