Fis-sessjoni plenarja tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, id-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista wasslu messaġġ favur moviment magħqud viċin in-nies biex verament jinkiseb is-suċċess.
Id-Deputat Mexxejj għall-Affarijiet tal-Parlament, Chris Fearne faħħar it-talent li wieħed isib fi ħdan il-Partit Laburista, talent li flimkien taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat qed inqegħduh għas-servizz ta’ pajjiżna.
Servizz, żied id-Deputat Mexxej, li jsir b’kompetenza, f’team work u b’sens ta’ dover. “Il-Prim Ministru huwa eżempju ċar ta’ kompetenza, il-viżjoni tiegħu għall-bidla pożittiva f’pajjiżna rebħitna elezzjonijiet u ċert li b’din il-kompetenza nirbħu mhux biss l-elezzjoni tax-xahar ieħor, iżda l-elezzjoni ġenerali li jmiss u ta’ wara, u ta’ wara u ta’ wara. Għamilna 25 sena fl-Oppożizzjoni, issa jekk naħdmu bil-għaqal għandna l-opportunita li nagħmlu 25 sena oħra fil-Gvern,” qal id-Deputat Mexxej.
Chris Fearne tkellem fuq it-team work li matul dawn l-aħħar snin għaqqadna bħala moviment, bħala partit, bħala Grupp Parlamentari, bħala Kabinett, bħala mexxejja. “It-team work deher fuq kull livell tax-xogħol tagħna. Fl-għaqda hemm is-saħħa u aħna b’saħħitna għax magħqudin.”
Ghas-snin li gejjin, qal id-Deputat Mexxejj, rridu l-kontinwita’, b’mohh mistrieh, tal-progett ta’ Joseph Muscat
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Chris Cardona sostna li l-Partit Laburista hu l-partit tas-suċċess għaliex iħoss il-polz tal-poplu.
“Din tirrifletti l-enerġija ta’ Gvern li jifhem x’inhuma l-problemi tal-pajjiż u li ma jaqtax qalbu quddiem dawn l-isfidi. Il-poplu jemmen li dan huwa Gvern b’saħħtu u magħqud, li ma jidħaqx bin-nies.”
Enfasizza kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat se jibqa’ mfakkar bħala Gvern li biddel ir-rotta ekonomika ta’ pajjiżna u li ttrasforma lill-pajjiżna f’art tal-opportunitajiet.
Min-naħa l-oħra, irrefera għall-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni fejnaktar minn sena ilu wegħdna New Way iżda sal-lum, din in-new way mhi tinħass xejn.
“Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jittieħed bis-serjeta hemm bżonn jieqaf ifassal il-politika tiegħu fuq falzita u attakki negattivi.”
Finalment, saħaq lil-għażla prinċipali li jridu jagħmlu n-nies fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew hija għażla bejn “nies li l-ikbar achievement tagħhom kien li ħamġu isem pajjiżna u nies li jmorru quddiem l-Unjoni Ewropea b’sens ta’ kburija u jaħdmu biex jgħollu isem pajjiżna.”
Fil-bidu tas-sessjoni plenarja,il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph De Battista ħabbar li fis-sena li għaddiet anke l-Partit Laburista rreġistra surplus. De Battista ppreżenta rapport finanzjarju dettaljat u spjega kif riżultat ta’ żewġ maratoni ġbir ta’ fondi, għadd kbir ta’ inizjattivi oħra u l-fatt li s-sena li għaddiet il-Partit Laburista me kellux kampanja elettorali,wassal biex il-Partit Laburista temm is-sena b’bilanċ pożittiv ta’ €962,064.
De Battista kellu kliem ta’ tifħir għall-attivisti tal-Partit Laburista li jkollhom sehem fil-ġbir ta’ fondi kemm permezz tal-iniżjattivi maratona ġbir ta’ fondi, iżda wkoll permezz ta’ inizjattivi oħra. Kien spjegat ukoll kif dan ir-riżultat huwa grazzi wkoll għal tmexxija bil-għaqal.
Il-Partit Laburista approva wkoll emenda għall-istatutli niżżlet it-tesserament tal-Partit Laburista għal 14 –il sena.