Il-Korporazzjoni għas-servizzi tal-Ilma bi pjaċir tħabbar li wara r-rimi illegali ta’ kwantita kbira ta’ demel u ħmieg tal-annimali li waqqfu l-operat tal-akbar impjant tat-tisfija tad-drenaġġ, issa
l-operat treġġa lura għan-normal, tlett ijiem qabel il-ġurnata skedata.
Sadanittant, matul is-siegħat li ġejjin ser ikompli jiġi stabilizzat il-proċess tat-trattament biex il-provvista tan-New Water terġa lura għan-normal matul il-jum t’għada. L-operazzjoni involviet tindif tal-mina tad-drenaġġ li twassal sal-impjant, it-tindinf tal-pumping station u l-5 pompi b’għoli ta’ żewġ metri, l-iżblukkar tal-għeriebel u tindif ġenerali ta’ żoni oħra li ġew milquta b’dan ir-rimi.
Ma’ saret l-ebda ħsara lill-infrastruttura ewlenija tal-impjant minħabba li l-għeriebel għamlu xogħolhom. Tunellati ta’ materjal ġie mneħħi mill-post. Il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca irringrazzja lill-ħaddiema tal-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Ta’ Barkat li reġġgħu l-impjant lura fuq saqajh f’qasir żmien kif ukoll lit-tim tad-deep sewer għat-tindif tal-mina, il-pumping station u ż-żoni tal-madwar. Dan huwa xogħol ta’ strapazz u perikoluż immens.