99% tat-tfal Maltin taħt l-età ta’ ħames snin jesperjenzaw livell ta’ saħħa eċċellenti li jikklassifikahom bħala l-ogħla fl-Ewropa. Dan irriżulta minn statistika tal-Eurostat li fi kliem id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, huwa dovut għal diversi fatturi, fosthom is-servizzi mediċi offruti u l-għożża li bihom jitrabbew it-tfal Maltin u Għawdxin.
Fisser kif dan l-istħarriġ ma jfissirx li t-tfal Maltin u Għawdxin ma jimirdux. Fil-fatt is-sena li għaddiet kien hemm aktar minn 13,000 vista f’Mater Dei u ftit inqas minn 7,800 ingħataw kura fis-swali tal-pedjatrija. Żied jgħid li żewġ miżuri mill-aktar preventivi huma t-tilqim u l-ħalib tal-omm li ddeskriva bħala ta’ importanza kbira.
Id-Deputat Prim Ministru qal dan meta inawgura l-attività ‘My Baby & Me’, attività li tikkonsisti f’konferenza u fiera fl-istess ħin, u li tittratta żmien it-tqala, it-trabi, u t-tfal żgħar. Fakkar dwar l-importanza tat-tilqim li l-istat jipprovdi b’xejn u qal li pajjiżna miexi biex jibda joffri b’xejn it-tilqim kontra l-meninġite.