Il-President ta’ Sri Lanka qal li l-allegat moħħ wara l-bombi suwiċida li seħħew f’Ħadd il-Għid f’Sri Lanka nqatel fl-istess attakki. Intqal li Zahran Hashim, predikatur radikali, miet fil-lukanda Shangri-La fil-kapitali Colombo.
Jidher li Hashim mexxa l-attakk fuq il-lukanda popolari ħafna mat-turisti, akkumpanjat minn aggressur ieħor identifikat bħala Ilham. Intant, il-pajjiż irreveda ‘l isfel in-numru ta’ nies li nqatlu waqt l-isplużjonijiet li seħħew il-Ħadd li għadda. In-numru tnaqqas b’iktar minn 100, bil-Ministeru għas-Saħħa jgħid li n-numru issa huwa għal madwar 253.L-istess Ministeru weħħel fi żball li sar waqt il-kalkulazzjoni u d-diffikulta li jkunu identifikati l-vittmi.
Numru kbir ta’ nies inqatlu u mijiet oħra weġġgħu meta bombi suwiċida splodew f’lukandi u knejjes f’Colombo, Negombo u Batticaloa. Il-maġġoranza ta’ dawk maqtula kienu minn Sri Lanka, iżda għexieren ta’ barrannin kienu fost dawk milquta.