Is-suċċessi kbar li qegħdin ingawdu llum inbnew fuq is-sagrifiċċji ta’ eluf kbar ta’ suldati tal-azzar li fiż-żminijiet kolonjali u post-kolonjali ħallew warajhom moviment Laburista dedikat biex ikattar il-ħobż, isaħħaħ il-ħelsien u jisħaq dwar il-ġustizzja soċjali. Dan qalu l-ex Prim Ministru Alfred Sant meta żar lil Victor Attard fid-dar tiegħu fil-Birgu.
Wara l-irvellijiet tat-28 ta’ April 1958, Victor, dak in-nhar kellu 16-il sena, kien akkużat li kien fost dawk li taw in-nar l-Għassa ta’ Bormla. Il-Maġistrat Reynaud kien ikkundannah xahar ħabs. Attard kien fost 101 Malti li ntefgħu l–ħabs wara l-irvellijiet tat-28 ta’ April, fosthom Agatha Barbara, Patrick Holland u Bertu Hyzler.
Alfred Sant qal li Malta għandha tonora lil dawk il-ħaddiema li fl-1958 marru l–ħabs biex jiġġieldu għall-ħelsien. M’għandna ninsew qatt is-sagrifiċċji u l-bojkot soċjali li sofrew mijiet kbar ta’ żgħażagħ li kienu sfidaw ir-restrizzjonijiet militari u niżlu fit-toroq fit-28 ta’ April 1958 biex Malta issir pajjiż sovran.
Victor Attard irringrazzja lil Alfred Sant talli żaru fid-dar tiegħu.
‘Jien kburi li kont fost l-eluf ta’ żgħażagħ dak in-nhar tal-protesta nazzjonali. Il-Pulizija ta’ De Gray kienu brutali magħna. Meta konna żgħażagħ konna noħolmu li nistgħu ngħixu f’pajjiż ħieles mingħajr preżenza ta’ suldati barranin fuq artna. Sofrejna ħafna finanzjarjament talli ipprotestajna. Il-kundizzjonijiet fil-ħabs ta’ Kordin kienu umiljanti. Imma meta nħares lura illum inħoss li tajt kull ma stajt biex illum kulħadd qed jgħix f’pajjiż ħieles.” Victor Attard qal lil Alfred Sant.