Għat-tielet sena konsekuttiva l-Gvern qed iżomm mal-wegħda elettorali li jindirizza l-anomaliji u l-inġustizzji tal-imgħoddi.
Din is-sena ser jitqassmu €11 il-miljun lil tlett oqsma ta’ ħaddiema li fl-imgħoddi ġarrbu xi inġustizzji. Fosthom l-eks ħaddiema tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979, l-eks ħaddiema tax-xatt, uffiċjali tal-Pulizija li ma tħallsux tas-sahra li ħaddmu bejn l-1993 u l-2009 u l-ħaddiema tal-‘Ex Malta Electricity Board.
Dan tħabbar mill-Ministru għas-Solidarjeta’ Soċjali Michael Falzon u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Surplus għan-nies’.
Qalu li fuq medda ta’ tliet snin din in-nefqa ser tkun telgħet għal madwar €34 miljun.
Dawn l-iskemi se jkunu tkomplija ma’ dawk maħruġa fl-aħħar sentejn u li diġà gawdew minnhom ‘l fuq minn sitt elef persuna jew werrieta tagħhom.
Il-Ministru Michael Falzon qal li sabiex wieħed jieħu l-flus dovuti għandu jagħmel dan sat-28 ta’ Ġunju li ġej.
“Wieħed irrid jinnota li l-gvern mhux biss iżomm kelmtu huwa gvern li jattwa li jwiegħed u jmur oltre mill-obligi legali tiegħu. Kellna istanzi fejn il-persuni legalmemnt ma ngħatawx raġuni jew inkella preskrizzjoni imma l-gvern mhux talli onora dak il-ftehim imma mar oltre. Ma rridux ninsew li dan hu ħlas li se jsir din is-sena u se jolqot iktar minn 6,000 persuna,” spjega l-Ministru.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li din hi miżura ewlenija fil-baġit u wegħda elettorali ta’ Gvern Laburista. Qal li hi turija ċara ta’ kemm is-surplus irreġistrat aktar kmieni din il-ġimgħa, hu wieħed għan-nies.
“Dawn huma skemi u wegħdiet li qed jitwettqu bil-meżżi tas-surplus, ekonomija li qed tikber u wkoll li l-gvern qed iżomm kelmtu. Qed jagħmel kull mezz li jżomm kelmtu u dan hu pakkett, ekonomija, finanzi, wegħdiet li huma xierqa li qed jikkoreġu inġustizzji tal-passat,” qal il-Professur Scicluna.
Il-Ministru spjega li persuni li applikaw fis-sentejn li għaddew u rċevew pagament għax kienu eliġibbli għalih, m’għandhomx għax jerġgħu japplikaw.