L-attur Rami Malek, magħruf minn miljuni madwar id-dinja għal mod kif interpreta l-mibki Freddie Mercury fil-film Bohemian Rhapsody, iktar kmieni llum kien ikkonfermat biex jidher fil-film li jmiss ta’ James Bond.
Sa issa la l-karattru u lanqas l-irwol li se jinterpreta ma ġie żvelat, madanakollu ħafna xnihat fl-aħħar ġimgħat f’rivisti internazzjonali qalu li huwa kien qed jinnegozzja mal-produtturi MGM sabiex ikun l-antagonista tal-film.
Lanqas għadu ma ġie żvelat x’se jkun jismu l-25 film ta’ 007, li hu mistenni jkun l-aħħar wieħed b’Daniel Craig fl-irwol prinċipali.
Il-film il-ġdid tnieda fir-residenza fil-Ġamajka tal-kittieb tal-kotba ta’ 007 Ian Fleming, fejn ġew ikkonfermati li l-atturi Ralph Fiennes, Ben Whishaw, Jeffrey Wright, Rory Kinnear, Naomie Harris u Lea Seydoux se jirritornaw wara li dehru f’films preċedenti. Magħhom se jingħaqdu l-atturi Ana de Armas, Dali Bennsalah, David Dencik u Billy Magnussen fost l-oħrajn.
Id-direttur tal-film huwa Cory Fukanaga, bil-film mistenni joħroġ fit 8 ta’ April tas-sena d-dieħla.