Bejn Awwissu u Settembru ta’ din is-sena, ser jiġi mtella’ ċ-Cittadella Arts Festival ġewwa Għawdex. Dan il-festival qed jiġi organizzat minn DCapitals Big Band bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u l-Malta Arts Council (Gozo Cultural Support Programme) kif ukoll Heritage Malta.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li kulħadd qed jirrikonoxxi li l-aspett kulturali f’Għawdex ingħata spinta ‘l quddiem u dan peress li l-Ministeru qed jivesti bis-sħieħ f’dan is-settur, anke permezz ta’ kollaborazzjoni kbira u b’sahhitha mall-Arts Council Malta. Il-Ministru Caruana fakret li l-allokazzjoni ta’ fondi minn Arts Council Malta għall-parteċipanti żdieded kif ukoll żdied in-numru ta’benefiċjarji ta’ dawn il-fondi.
L-Onor Caruana qalet li f’Għawdex hemm talent li irid jiġi sostnut u kien għalekk li matul din il-ġimgħa tqassmu madwar €160,000 f’fondi u li ammont sostanzjali ingħata lill-organizzazjonijiet jew għaqdiet li jorganizzaw attivitajiet kulturali. Il-Ministru għal Għawdex tenniet li dawn l-attivitajiet qed jgħatu kontribut lill-gżira Għawdxija fuq diversi fronti u m’hux b’inqas dak ekonomiku u turistiku. Il-Ministru Caruana innotat ukoll qabża fil-kwalità fl-attivitajiet li qed jiġu organizzati u dan hu riflessjoni ċara tal-viżjoni li għandu u li qed jimplimenta l-Ministeru għal Għawdex. Innuttat f’sodisfazzjon li Dcapitals qed jorganizzaw festival impenjattiv, multi dimensjonali u ta’ livell.
Iċ-Chairman tal-Kunsill għall-Arti Albert Marshall qal li l-fondi pubbliċi li l-Kunsill qed jgħaddi lil 11-il organizzazjoni Maltija u 6 Għawdxin, qed jingħataw fuq medda ta’ 3 snin u dan biex l-attivitajiet imtella ikunu sostennibli u b’viżjoni. Is-Sur Marshall ħeġġeġ lil dawn l-organizzazjonijiet biex ma jiddependux biss minn għajnuna finanzjarja allokata lilhom minn fundi pubbliċi iżda jimirħu u jesploraw metodi oħra kif jattiraw għajnuna mis-settur privat.
Mr Russel Muscat, Communications Officer fi ħdan Heritage Malta qal li meta ġiet avviċinata l-Aġenzija biex tipparteċipa f’dan il-festival, Heritage Malta aċċettat. Is-Sur Muscat qal li rwol primarju tal-Aġenzija hu li tressaq il-patrimonju kulturali rikk aktar qrib il-pubbliku u dan billi waqt il-festival, il-Mużewijiet fi-ħdan iċ-Ċittedella ser ikunu miftuħa għall-pubbliku bejn bejn is-7 u 8 ta’ Settembru.
Id-direttur artistiku tal-festival, George Apap, spjega li dan il-festival huwa mingħajr ebda dubju l-akbar proġett li daħlet għalih D Capitals f’dawn il-ħames snin li ilha mwaqqfa. L-idea li jittella’ dan il-festival nibtet wara li f’Settembru 2016 il-band kienet mistiedna li ttella’ kunċert fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni wara x-xogħlijiet ta’ restawr li saru fiċ-Ċittadella. Minn dakinhar il-band baqgħet iżżomm l-appuntament tagħha billi kull Sajf ittella’ kunċert kbir bis-sehem ta’ kantanti lokali anke barranin.
“Ridna li minn dan il-kunċert li kiseb suċċess kbir, nespandu għal festival mifrux fuq aktar ġimgħat b’attivitajiet kulturali varji li jkomplu jiġbdu lejn gżiritna u b’mod partikolari lejn iċ-Ċittadella għadd kbir ta’ viżitaturi u ammiraturi”, tenna d-direttur artistiku. “Il-programm li ħejjejna jiġbor fih għadd sabiħ ta’ attivitajiet li jvarjaw minn kunċerti mużikali, attivitajiet edukattivi, wirja ta’ arti, taħditiet u attivitajiet oħra kulturali.”
Għall-programm uffiċjali u aktar dettalji wieħed jista’ jżur il-paġna uffiċjali ta’ Facebook: www.facebook.com/cittadellaartsfestival jew jibgħat email fuq info@caf.mt